Sex it jew Sin | One News

Notifiki

Sex it jew Sin

Ħassejtni qisni f’skeċċ ta’ Benny Hill. Ara naqra kif ġabitni din Ċesnina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel! Xrift rasi mill-bieb u ttawwalt lejn ix-xellug. Bieb magħluq. Purtelli magħluqa. Tajjeb. Nista’ noħroġ. Ħaffift il-pass u wasalt għand tal-forn.

Kien hemm ftit anqas minn tużżana qabli. Kif dħalt kif il-purtiera magħmulha b’ċintorini mfella tal-plastic kull kulur reġgħet bdiet issib postha, bdiet iċċaqċaq u mingħajr ma riedu tal-kju dawwru l-ħarsa minn fuq il-ħobż skjarat fit-tilari tal-injam għal fuqi, ħalli jaraw min kien daħal. It-tieni wieħed fil-kju, Manwel, li kif rani dieħel tbissem. Kien jagħmel naqra arja bija. Ġejja xi waħda minn tiegħu, għidt bejni u bejn ruħi, filwaqt li għajnejja tbissimu. Kif mess lilu biex jinqeda, bħas-soltu, fetaħ ħanġra u għajjat biex żgur jakkwista l-udjenza. “Aw Pawl, għamilli waħda kbira ta’ Sajmin”.

Pawlina ħarset lejh filwaqt li qarrset xuftejha u xenglet rasha lejn il-lemin. Ma haditx gost bil-kumment ta’ Manwel, ma kienux jaqblu u ġieli kellhom diskursati mqanqla. Imma mhux f’ħanut mimli. “Lel, għidli xi trid ħi, għax għandi n-nies”. “U ejja Pawl, waħda ta’ Sajmin … tas-salib. Kbira”.

B’ħarsa tniffed il-blat, Pawlina tefgħet waħda ta’ Sajmin, emm … ħobża tas-salib kbira fil-basket tad-drapp li kien qed iżomm miftuħ Manwel u tagħtu l-bqija mingħajr ma qalgħet il-ħarsa niffieda minn għajnejh. Hekk kif għadda minn hdejja, hu u ħiereġ, għemiżni. “Għax vera salib għandhom bih ta!”

Heqq, bdejt naħseb sakemm messni ninqeda, toqgħod taħseb ftit, salib u mażżra.

Kif wasalt fil-kantuniera, erġajt ittawwalt lejn il-bieb ta’ Ċensina. Magħluq. Purtelli magħluqa. Ġietni tajba llum! Imxejt lejn id-dar u hekk kif qbiżt b’xi żewġ passi l-qaħbeċ purtelli tagħha, donnu bil-magħmul, smajt min isejjaħli, “Ajtjeeen”.

Dort u nara l-Ċensina liebsa track suit ħamra, idha x-xellugija fuq ġenbha, l-oħra mal-koxxa tal-bieb, maqsuma fi tnejn, rasha kemm kemm baxxuta, “Ejja ‘l hawn għax m’għadnix li kont”, qaltli, kull sillaba miksura b’nifs ‘l ġewwa u l-iehor ‘l barra.

Fakk! Ersaqt lejha. “X’il-madoffi qed tagħmel, Ċens!”, ħarġitli mingħajr ma ridt. “Ara l-ieħor, mhux Joseph qalilna x’kull waħda”, qaltli Ċensina, issa bin-nifs ġej lura floku, “hekk qalilna ħi, biex il-partit jiġri wara l-gvern. Mhux aħna l-partit! Imma għandna x’niġru biex nilħquh ta, għax bil-qlugħ fil-poppa miexi Alla jbierek!”. Kif qaltli hekk, iddrittat, qalgħet idha l-leminijja minn mal-koxxa tal-bieb, għalqet tlett iswaba u bil-qrun idur fuq rasha fl-ajru, w b’roqgħa ttundjata għaraq taħt għabta, kompliet, “ma jmurx jgħajnu xi ħadd, għax ma jistgħux għaliha din li Joseph tagħna qed iġib pajjiżna l-għira tal-Ewropa, puuuuu għalihom ja qabda nsara tal-isem li huma, puuuuu!” Il-qrun tefgħetu lejn il-gallerija ta’ dik ta’ quddiema. Li l-venetian blinds kienu mżaqqa b’idha dejjem iġġebbed ħalli tara x’ikun għaddej fit-triq.

Hi u tniżżel idha, waqqfitha kemm kemm u b’ħeffa qabditli geddumi. “Ħa nara int”, qaltli, “dawwar naqra wiċċek”. Ma tatnix iċ-ċans indawwru jien. “Bil-mod Ċens!”. “U x’bil-mod, bil-mod, Alla jbierek int, x’wieħed imqabbeż għandek. Tajjeb għall-bettieħ!” Hekk kif ċartet ħalqha f’daħka, kompliet, “Islifulu naqra l-Sajmin, għamillu pjaċir”.

Ma fhimtx. Inġbidt kemm kemm lura biex neħles mid-dwiefer ħomor bi ċfuf suwed imqabbża li kienu qed iżejnuhom imma li kienu deħlin fil-gilda taħt geddumi u bqajt inħares lejha. “U ajma qed issir bħalu, barra minn fuqna ta, x’int slow marelli”, żiedet, “Islef naqra mnieħrek lil Sajmin forsi jxomm x’inhu għaddej madwaru. Mhux hekk kien qal li mal-ewwel xamma ta’ karrotti, jieħu passi? Ħaħ ħaj … Issa jeħodhom il-passi. Passi fil-vojt imma jieħu. Issa missu jagħmel sforz u jxomm il-karrotti, u jiżen dak li qal Farrugia fuq il-ministru tal-Arriva. U x’qalet l-iżvediża fuq Toni tal-lira. X’kull waħda wkoll …”

Ipprovajt naqta’ d-diskors. “Ċens, ħa nkompli ta. U int trid tbiddel hux …”

“Jien inbiddel?”, staqsietni mingħajr ma stenniet tweġiba. Ħaqq, ġejja tiegħi

“Taf min irid ibiddel hux, Ajtjen, dawk li ħlief iparlaw fil-vojt u ħlief imaqdru u jopponu ma’ jagħmlux. Bħal din ta’ faċċata…” qaltli hekk kif reġgħet iffurmat qrun lejn il-gallerija, “Dawk iridu jbiddlu mela jien! Forsi jsiru kredibbli, x’kull waħda. Messhom jistħu ja qabda …” M’hemmx x’tagħmel. Kont stedintha b’idi. Ma’ Ċensina trid tkun ċar.

“Ċens, għat-tracksuit kont qed ngħid”, ipprovajt nispjega. “E ijja, għat-trekksjut? Iddawwarx diskors ta, ruħi, dak ħallieh għalihom, l-artisti krem de la krem li jaħsbu li huma. U ajmaaaa…” karkret Ċensina, “L-ewwel ġej bil-biċċa li jixbaħ lil George Clooney, u jekk vera jien qisni Ġolina ta’ Pitt, x’kull waħda …”

Għollejt naqra għajnejja fuq din. Ix-xebħ bejn Ċensina u Jolie kienu qishom dak li jgħid Sajmin illum u dak li jgħid Sajmin l-għada, totalment m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Imma nsomma.

“… u issa qed jipprova jaqlibha lil James Bond, Ajtjen ħi”. Għajnejja u t-tikmix ta’ moħħi kienu jaqraw: James Bond?

“Imbasta kollok nelħ int. U ma fhimtx”, sparat f’wiċċi Ċensina, “Dr. No! U mhux aħjar dawk li hemm madwaru jagħmlu referendum. Jew sex it jew sin”.

Naħseb id-dawra mal-blokk li għamlet Ċensina bit-tracksuit ħamra, kienet affettwatilha naqra l-ħsieb. Erġajt ma fhimtx. Issa jew għax kelli seba’ mitt sena biex nidħol ġewwa, jew ma nafx. Il-wiċċ ċass tiegħi lejn Ċensina, ġabha vulkan.

“Il-marelli Ajtjen qalbi, x’int slow u ċass, qisek hu. Jagħmlu referendum bħall-Ingliżi jew Sajmin exit jew Sajmin in .. Sexit jew Sin”. Id-daħka li faqqgħet Ċensina dwiet mat-triq. U kif kienet b’rasha mgħollija tidħak, u tagħti b’idha fuq sidirha, tbissimt, sellimtilha u erħejtilha għall-forn. Mingħajr ma naf, il-waqfa ma’ Ċensina swietli ħobża. Jien u nitkellem magħha, kont naqqart il-bieba kollha taż-żewġ naħat u ġibtha b’żewġ għerien, wieħed kull naħa. M’hemmx x’tagħmel. Ikolli mmur nixtri oħra kbira. Tas-Salib.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend