Fost l-iktar li ktibna Brexit fil-google | One News

Notifiki

Fost l-iktar li ktibna Brexit fil-google

Jidher li r-rabta li pajjiżna għandu mar-Renju Unit wassal biex kienu ħafna dawk f’Malta li jistħarrġu dwar x’jiġri jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li m’għandux jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea. Skont tagħrif li jinġabar mis-sit ta’ tfittxija google, magħruf bħala google trends, wara r-Renju Unit kienu ċ-ċittadini tal-Irlanda, Malta u Ċipru l-iktar li fittxew dwar Brexit fuq google fl-aħħar ġimgħa. Warajhom kien hemm Lussemburgu u l-Isvizzera.

Dan iżomm l-istess xejra tal-bidu tas-sena tant li mill-bidu tas-sena it-tiftix dwar Brexit f’Malta kien l-ogħla f’Malta, l-Lussemburgu u l-Irlanda.

Ir-rabta ta’ Malta mar-Renju Unit żgur hija fattur. Għalkemm hemm ukoll raġunijiet oħra, fosthom dawk ekonomiċi.

Skont l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch, Malta tkun waħda mill-aktar pajjiżi ekonomikament esposti jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

F’analiżi dwar il-futur tar-Renju Unit, jingħad li l-aktar pajjiżi esposti huma l-Irlanda, Malta, il-Belġu, l-Olanda, Ċipru u l-Lussemburgu, li lkoll jesportaw prodotti u servizzi lejn ir-Renju Unit li jammontaw għal mill-inqas 8% tal-Prodott Domestiku Gross. Ir-rapport jgħid li ċertu pajjiżi jibbenefikaw jekk l-investiment dirett barrani ikun diversifikat mir-Renju Unit. Iżda Malta, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Ġermanja għandhom investiment dirett barrani ogħla minn pajjiżi oħra Ewropej u aktar assi finanzjarji fir-Renju Unit, allura jmorru ħażin jekk jinżel il-prezz tal-isterlina.

Is-setturi bankarji ta’ Malta, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Spanja, Franza u l-Ġermanja għandhom rabtiet sinnifikament ikbar mar-Renju Unit, jgħidu Fitch, u dan huwa fattur ieħor li jista’ jolqot lil pajjiżna fil-laħam il-ħaj.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend