Dalwaqt tibda edizzjoni storika… għall-ewwel darba b'24 pajjiż | One News

Notifiki

Dalwaqt tibda edizzjoni storika… għall-ewwel darba b’24 pajjiż

Ninsabu fuq l-għatba tal-ħmistax-il edizzjoni tal-kampjonat tal-Euro, it-tielet wieħed li se jkun qed isir fi Franza.

F’xahar sħiħ se jintlagħbu total ta’ wieħed u ħamsin logħba f’għaxar grawnds differenti, bil-finali ssir fl-għaxra ta’ Lulju f’Stade de France, l-istess grawnd li se jospita l-logħba tal-ftuħ bejn Franza u r-Rumanija.

Għall-ewwel darba, il-kampjonat Ewropew se jara l-parteċipazzjoni ta’ erbgħa u għoxrin pajjiż fil-fażi finali, maqsuma f’sitt gruppi.

Minħabba f’hekk, se jintuża format ġdid. Għal fażi tal-aħħar sittax se jgħaddu l-pajjiżi li jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet ta’ kull grupp flimkien mal-aħjar erba pajjiżi li jispiċċaw fit-tielet post.

Fil-Euro elfejn u sittax se naraw ħames pajjiżi li se jiddebuttaw għall-ewwel darba. Dawn huma l-Albanija, l-Islanda, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Islovakja u Wales.

Ma jonqsux ukoll il-favoriti. L-iktar kwotati huma l-ospiti Franza, ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja Ġermanja u r-rebbieħa renjanti Ewropej Spanja. Iżda bla dubbju li jkun hemm dawk il-pajjiżi li jafu jagħtu sorpriża, bil-Belġju u l-Kroazja l-iktar imsemmija.

Kienet propju Franza li ospitat l-ewwel kampjonat sitta u ħamsin sena ilu. L-ewwel format tal-Euro kien li erba pajjiżi jgħaddu għal fażi finali, filwaqt li kienet tintlagħab logħba għat-tielet post.

tazzaL-Unjoni Sovjetika rebħet l-ewwel kampjonat Ewropew, bi Spanja, l-Italja, il-Ġermanja tal-Punent u ċ-Ċekoslovakja jsegwu warajha.

Fl-elf disa mija u tmenin in-numru ta’ pajjiżi fil-fażi finali tela għal tmienja. Dik is-sena, l-Italja ospitat il-kampjonat għat-tieni darba, bil-Ġermanja tal-Punent tirbħu għat-tieni darba.

Erba snin wara, Franza ospitat il-kampjonat għat-tieni darba. Minn hawn ‘il quddiem tneħħiet il-logħba għat-tielet post. Dik is-sena, Franza rebħitu għall-ewwel darba, bl-Olanda u d-Danimarka jsegwu.

Il-bidliet fil-format tal-Euro komplew isiru, hekk kif fl-elf disa mija sitta u disgħin, kienu sittax il-pajjiżi li pparteċipaw fil-fażi finali. Il-Ġermanja rebħet l-ewwel kampjonat Ewropew bħala pajjiż magħqud. Warajhom rebħu wkoll Franza għat-tieni darba, il-Greċja u Spanja, li rebħu l-aħħar żewġ kampjonati tal-Euro.

Ħarsa ħafifa lejn statistika tpoġġi lill-Ġermanja u Spanja bħala l-iktar pajjiżi li rebħu l-kampjonat Ewropew, b’tliet darbiet kull wieħed, segwiti minn Franza. Il-Ġermanja hija wkoll il-pajjiż li kkompeta l-aktar fil-Euro, b’dik ta’ din is-sena tkun it-tnax-il darba. Huwa wkoll il-pajjiż li wasal l-iktar drabi fil-finali: sitt darbiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend