L-għażla l-kbira | One News

Notifiki

L-għażla l-kbira

Kien tmien snin ilu l-aħħar li indirizzajt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Mhux għax ma bqajtx nattendi, iżda għax diskors f’konferenza m’għandux ikun ritwal li jsir kull sena.

Għandu jkun hemm għal meta delegat ikollu ħsibijiet iktar importanti x’jaqsam ma’ sħabu.

Tmien snin ilu tlajt nitkellem dwar mozzjoni li setgħet għamlet l-għażla ta’ Joseph Muscat bħala mexxej iktar diffiċli. Għidt lid-delegati li r-responsabbiltà kellna nerfugħha aħna. Aħna li fit-tajjeb u l-ħażin konna dejjem hemm għall-Partit Laburista.

Hekk għamilna.  U llum, tmien snin wara?

Ninsabu fil-Gvern b’mexxej li ma tilifx elezzjoni waħda. Għax inbdilna aħna, qegħdin inbidlu pajjiż.

Niftakar dakinhar dort fuq id-delegati u għidtilhom li kont ċert li stajt nafda fuq l-esperjenza tagħhom. Għidt li bħala żagħżugħ li ridt lill-partit tiegħi jirbaħ stajt noqgħod fuq il-ħsieb ġenwin tagħhom. U hekk kien.

Illum għandna għażla ikbar x’nagħmlu. Għażla kbira ħafna.

Din mhix l-għażla bejn Owen Bonnici, Chris Cardona jew Stefan Zrinzo Azzopardi. Għażla importanti. Imma għalija mhix il-qofol.

L-ikbar għażla li għandna quddiemna hija fil-ħsieb.

Hija fir-rwol li se nieħdu d-delegati tal-konferenza. Konferenza li meta niltaqgħu llejla nkunu qed nerġgħu ngħixuha bħala partit fil-Gvern.

Ngħiduha kif inhi, ma konniex imdorrijin.

Inħoss li rridu niddeċiedu jekk hux se nibqgħu nkunu l-qalb tħabbat ta’ dan il-partit, li mbagħad huwa l-qalb tħabbat ta’ xi ħaġa ferm ikbar, il-moviment.

Irridu nkunu aħna li fis-sentejn li ġejjin inwasslu  l-messaġġ ta’ dan il-partit u tal-Gvern b’iktar konvinzjoni. Qed nibdlu Malta.

U din hija l-aħbar li għandna ngħaddu ta’ kuljum. Fil-post tax-xogħol, tad-divertiment jew mal-qraba tagħna.

Kollox ward u żahar? Dażgur li le. Hemm min għadu jsofri l-inġustizzji jew qed jistenna ġustizzja. U ma’ dawn x’se ngħamlu? Ngħidulhom għandek raġun u nitilqu ’l hemm ? Jew inkunu aħna li nwasslu l-messaġġ tagħhom għand l-uffiċjali tal-Gvern jew il-partit li għandna aċċess għalihom?

Qed nikteb dan għax nixtieq li nifhmu flimkien xi rwol importanti għandna.

Ejja nerġgħu nqumu għall-okkażjoni. Bħal meta l-Prim Ministru  qalilna ejja niftħu l-bibien beraħ. U aħna weġibna billi għidna iva u ħriġna l-id tal-ħbiberija. Għamilna moviment.

Issa jien żgur minix xi protagonist tal-moviment. Twelidt ġo familja tradizzjonalment Laburista li anke jekk jagħmel il-maltemp mhux fi żmienu jeħel Eddie Fenech Adami.

Minflok il-maltemp għexnieh aħna fl-1992, 1998, 2003 u l-2008.  Wara din it-telfa inbidlna u rbaħna.

U għax irbaħna żidna l-pensjonijiet, daħħalna l-inwork benefit, bdilna l-pajjiż f’dawk li huma drittijiet ċivili, ksibna l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, bdejna noħorġu n-nies mill-faqar u mitt ħaġa oħra.

Hemm hi l-għażla l-kbira. Jekk hux se nibqgħu pożittivi, jew hux se nerġgħu ningħalqu fina nfusna.

Dik hi l-għażla l-kbira, jekk hux se nilqgħu l-messaġġ tal-Prim Ministru li nwaqqgħu ċ-ċnut u nibnu l-pontijiet jew nerġgħu nibdew nieħdu gost li nirbħu l-elezzjonijiet ta’ bejnietna, minflok dawk mal-Partit Nazzjonalista.

Dik hi l-għażla l-kbira. Mhix għażla bejn l-individwi imma fil-ħsieb ta’ kull wieħed u waħda minnha. Tliet snin ilu biss konna fl-Oppożizzjoni. Stajna ngergru biss. Illum, għax inbdilna aħna, qed nibdlu l-Malta. Ejja nżommu dan f’moħħna għaż-żmien li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend