Għadhom ifeġġu nies kbar fid-dinja? | One News

Notifiki

Għadhom ifeġġu nies kbar fid-dinja?

‘Epidemija ta’ mewt ta’ nies ċelebri’ – hekk laqqam dis-sena l-magażin influwenti Newsweek meta ntebaħ li s’issa l-2016 ġabet magħha l-mewt ta’ nies ċelebri fosthom l-aktar riċenti l-bokser Muhammed Ali, David Bowie, il-filosfu Taljan Umberto Eco, il-perit Iraqqina Zaha Hadid, Tony Dyson, il-professur li vvinta r-robot R2-D2 ta’ Star Wars, l-attur taċ-ċinema, b’wiċċ fabbli George Kennedy,  Harper Lee li kitbet To Kill A Mocking Bird, l-attur Alan Rickman li deher fil-films ta’ Harry Potter, l-eks First Lady Amerikana Nancy Reagan, il-footballer Olandiż Johan Cruyff, l-attur-direttur  Giorgio Albertazzi u l-politku radikali-non-vjolenti Marco Pannella, kif ukoll l-istoriku Franċiż Alain Decaux, u sintendi Prince.  Is-Sunday Times ta’ Londra stħajjlet li qiesu ħarab xi qattiel serjali u qed jiġri mas-saqajn fuq il-pjaneta.

Sufi ġżirjani

Spiss inħarsu madwarna u nosservaw li llum m’għadx hawn nies kbar, ma tismax iżjed b’invenzjonijiet straordinarji, politikament qiesu ma fadalx għal xhiex tiġġieled u li din ir-razza umana ma fadallhiex fejn timraħ, ħlief forsi fl-ispazju. Bħal donnu l-istess ġenji – jingħad li kull tarbija titwieled potenzjalment ġenju sakemm is-soċjetà tbiddilha f’waħda normali – moħħhom biex jaqtgħu xhemm fl-univers li jista’ jservi ta’ kenn fil-ġejjieni meta u jekk dil-pjaneta tasal f’xi xifer. L-istess filosfi-rħieb orjentali, magħrufin bħala sufi (għax jilbsu ħwejjeġ imsewwfa) jsostnu li l-bniedem minnu nnifsu hu ġżirjan – jiġri minn iżola għall-oħra, ibaħħar minn kontinent għall-ieħor, minn pajjiż ġħall-ieħor, minn pjaneta għal oħra. Qiesu qatt m’għandu kwiet f’ġismu.

Filwaqt li kważi qed naqtgħu qalbna li nsibu tarf tal-faqar fid-dinja, tal-ġlied għal territorju, tal-migrazzjoni, tal-inugwaljanza globali, tal-qgħad u ta’ ekonomija mondjali bis-sulluzzu (b’xi eċċezzjonijiet feliċissimi bħal tagħna), ċerti pajjiżi li għandhom fama ta’ stabbilità, bħar-Renju Unit, l-Istati Uniti u diversi fl-Ewropa, qed jaħsbuha jitilqux it-toroq li ġabulhom il-ġid u jittantaw jippruvaw mogħdijiet ġodda, ukoll jekk ma jafux humiex jaqbżu fid-dlam. Eżempji ċari ta’ dawn huma r-Renju Unit b’referendum fuq jibqgħux fl-Unjoni Ewropea dax-xahar, l-Istati Uniti b’kandidati instabbli bħal Donald Trump u pajjiżi Ewropej li fihom qed jikber dejjem aktar l-ispazju okkupat minn estremisti.

Fejn sejra s-soċjetà? Tassew li potenzi ġodda tal-futur qarib, bħaċ-Ċina u l-Indja għad jaqilbu kollox ta’ taħt fuq, xejn xejn bis-saħħa tan-numri kbar li għandhom? Tgħid resqin lejn preċipizzju? Se nsegwu lid-dinosawri?!

Id-dinosawri kielu ‘l xulxin?

Filwaqt li ħadd għadu ma qata’ mija fil-mija kif għebu d-dinosawri, li qed niskopruhom fi żmienna, l-istudjużi jidhru jaqblu li r-razza umana mogħnija bil-għerf żgur li rebħet fuq dik neandertali u rnexxielha tibqa’ ħajja biex tiżviluppa f’dik soffistikata tal-lum. Ma naħsibx li wieħed jista’ jkun ċert li d-dinosawri sparixxew għax kielu ‘l xulxin (f’nuqqas ta’ riżorsi ta’ ikel) imma xi drabi, kważi bi tbissima enigmatika bħal ta’ Mona Lisa, ngħidu li l-bniedem jista’ jasal jeqred lilu nnifsu. Dan għaliex, differenti minn diversi speċi oħra ta’ ħlejjaq, għandu l-kapriċċ joqtol lilu nnifsu – id-droga eżempju eċċellenti – kif ukoll membri tal-istess speċi għax irid.   L-imgħoddi bil-bomba atomika wera li l-periklu nuklejari għadu magħna; biżżejjed tħares lejn il-Korea ta’ Fuq biex tintebaħ li ħadd ma jaf x’inċident fatali jista’ qatt jiġri f’dal-pajjiż iżolat. Allaħaresqatt jiġri dan għax ikun tassew tmiem li xejn ma jagħmel ġieħ, anzi għajb kbir, lill-għerf kollu li skopra moħħna.

L-univers għandu tmiem?

Ma’ kull sejba xjentifika bosta bnedmin qed iħossu li l-univers forsi m’għandux tmiem imma l-ħlejjaq tiegħu, wara ħajja fiżika temporanja, iva tal-anqas f’forma intelliġenti. Filwaqt li ħadd fiċ-ċert ma għaraf jgħidilna s’issa kif u għaliex kien il-bidu tal-ħolqien u li qatt mhu se jirnexxielu ħadd jifhmu kollu – aħseb u ara jżuru – il-bniedem jibqa’ mimli sorpriżi. Għadda minn bosta fażijiet storiċi magħrufa: waqaf jiġġerra u beda jibni kommunitajiet kif ukoll għaraf joħloq idejat ta’ twemmin li ġabu l-ordni u l-għaqda, għalkemm bi ġlied kbir ma’ dawk ta’ qabilhom. Wara żewġ gwerer mondjali bħal donnu l-Punent tgħallem isostni l-paċi fit-tul – għaddew 70 sena u s’issa jidher li l-lezzjoni tal-ħruxijiet tal-battalji u l-kampijiet sterminali għadhom jaħdmu bħala deterrent. X’fadal isir?

Nistgħu ndawwru r-rotta?

S’issa min qed jaqra dil-kitba forsi qed iħossni nesaġera, jakkużani li qed inkun pessimist wisq, jekk mhux ukoll nidher naqta’ qalbi mill-umanità. Hawn min qed jiftakar f’sejbiet pożittivi li rnexxielu jsib il-bniedem bħal mediċini u fejqan għal bosta mard, ukoll jekk mhux kollu. Hawn min iħares lejn il-patrimonju ta’ bosta ċiviltajiet li bnew bliet u xogħolijiet kbar artistiċi li għadna niftaħru bihom sal-lum; irnexxielna noħolqu mezzi ta’ transport ħfief, żguri u komdi fl-ajru, fil-baħar u fuq l-art. L-elettronika u l-internet mat-telefonija qarrbu l-kommunikazzjoni immedjata. F’dinja ta’ divertiment l-umanità għarfet ukoll toħloq industriji kbar – bħat-turiżmu, l-isport, il-mużika, iċ-ċinema – li jwennsu u jtaffu l-monotonija tal-ħidma biex ikollna varjetà rilassanti. Nies kbar għarfu, matul sekli ta’ ftuħ il-moħħ, juru toroq ta’ paċi, solidarjetà, serħan il-moħħ u tifsira tal-ħajja. Aktarx eżempju gwapp hu l-papa preżenti – sempliċi, izda dirett, għandu kelma friska fuq kollox ukoll jekk mhux dejjem għandu soluzzjonijiet prattiċi. Tgħid għandna ċans indawwru r-rotta? Fadal tama biex il-ġejjieni jkun aħjar? Minn min jiddependi?

Panteon ta’ nies ċelebri

‘X’jiswa li tikseb il-ġid kollu tad-dinja u titlef ruħek?’ kienu jgħidulna l-mużew. X’jiswa li tkun għani u ma tgħix kuntent? X’jiswa jkollok kontijiet ħoxnin il-bank u timrad kuljum bit-tniġġiz tal-arja? X’jiswa li iddisprat tfittex ħajja aħjar ximkien ieħor u tispiċċa mgħerreq fil-baħar? X’jiswa li tqum u torqod fil-Mediterran u tagħmel wegħda biex tara roqgħa xemx fl-appartament fejn tgħix? X’jiswa li b’saġrifiċċju tiddedika ħajtek biex tagħmel il-ġid lil għajrek u ma ssibx min japprezzak? Il-kompromess qatt mhu faċli biex tilħqu. Il-perfezzjoni mhux riżultat awtomatiku tal-isforzi li nagħmlu. Tagħti u tieħu. Il-bilanċ biss jidher l-aqwa triq.

Id-demokrazija hi waħda minn dawn l-atti ta’ bilanċ. Mhix perfetta u xi drabi tippermetti tfixkil, prużenzjoni, opportuniżmu u ġirja għamja ta’ ambizzjonijiet individwali, iżda taħdem. Sal-lum ma sibniex aħjar minnha.

Min jibqa’ b’saqajh mal-art, fi djalogu mal-kommunità, sinċier u mogħni bil-għerf żgur li jħalli timbru kbir fis-soċjetà li għaliha jaħdem, ukoll jekk mhux dejjem jirċievi l-feedback mistenni.

F’did-daqsxejn ta’ ġżira ċkejkna kellna eżempji ta’ dawn – nies li qalgħu fuq wiċċhom biex isostnu l-ħolma ta’ pajjiż aħjar, ukoll jekk mhux kulħadd dejjem fehmhom. Jibqgħu ispirazzjoni għall-mexxejja tal-lum li għandhom mezzi aħjar, kwalifika fil-mistier, spazji aktar liberali u opportunità biex jogħġbu lill-maġġoranza bla jintilfu d-drittijiet li jħarsu l-minoranzi. Jalla huma wkoll jidħlu fil-panteon tan-nies ċelebri li l-umanità għad tfakkar bil-wirt li jkunu ħallew. U bħalhom fuq dil-pjaneta jalla r-razza umana tibqa’ ssib mexxejja li jseddqu l-ġid ta’ nieshom qabel kull kisba personali, forsi ma tafx kif, l-imġienen tad-dinja li jippriedkaw il-qerda, il-vendikazzjoni u t-theddid ma jingħatawx ċans jifirxu saqajhom.

Ir-ritratt tal-ġimgħa juri l-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq. Malta m’għandniex, bħall-Italja u Franza, il-panteon fejn huma meqjuma nieshom, patrijotti u prominenti. Bi ħsieb u taħrik meqjus il-Barrakka ta’ Fuq tista’ tkun proġett ambizzjuż li jdawwar dal-ġnien f’panteon ta’ niesna. Hemm il-Mall imma fih ftit wisq u pjuttost nies magħrufa għall-karità fi żmien il-għaks kolonjali. Għandna l-kurraġġ nagħmlu l-qabża meħtieġa biex nagħrfu l-memorja nazzjonali tagħna aħjar? Il-monument fin-nofs, quddiem il-lift hu tal-kurunell Edwards li miet ta’ 36 sena fl-1816, segretarju tal-ewwel gvernatur Maitland f’Ceylon. X’inhu jagħmel f’dal-post prominenti?!

barrakka2

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend