Lura San Ġorg jew biswit il-Parlament | One News

Notifiki

Lura San Ġorg jew biswit il-Parlament

Jidher li s-siti ewlenin favoriti mal-pubbliku biex jilqgħu l-monument tas-Sette Giugnio huma Pjazza San Ġorġ u d-daħla ta’ quddiem il-Parlament. Dan b’mod li l-monument jibqa’ f’post mill-iktar ċentrali. Fi żjara fil-Belt Valletta kienu dawn l-iktar siti li ssemmew għalkemm xi wieħed jew tnejn esprimew il-ħsieb li jmur quddiem Kastilja.

Intant, il-blogger ta’ one.com.mt, Sandro Mangion, huwa wieħed fost dawk li l-għażla tiegħu ddur fuq dawn is-siti li tant issemmew tant li għaddilna dan il-kumment.

“Mafkar joħloq pont bejn l-imgħoddi u l-mument preżenti; li jżomm mixgħula l-fjamma tal-memorja kollettiva. L-avvenimenti ewlenin fl-istorja ta’ pajjiż huma, bħal kull ġrajja oħra li sseħħ f’ħajjitna, marbutin ma’ żmien u post partikulari. Iż-żmien, m’għandniex xi ngħidu, jgħosfor hekk kif id-dinja tibqa’ ddur. Il-post fiżiku, iżda, x’aktarx jibqa’. Għaldaqstant, m’hemm xejn li jagħti lil mafkar iktar sinifikat milli li jkun imqiegħed fil-lok fejn tkun seħħet il-ġrajja li jkun qed ifakkar.

“Il-post ideali għall-monument tas-Sette Giugno, allura, huwa f’Misraħ San Ġorġ jew madwaru, fejn fir-rewwixta tal-1919 tilfu ħajjithom l-erba’ Maltin. Jekk dan, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunx possibbli, allura t-tieni għażla għandha tkun post li jkun b’xi mod marbut mas-sinfikat tal-ġrajja.

“Is-Sette Giugno huwa meqjus bħala l-avveniment li qabbad ix-xrara tal-ġlieda fil-miftuħ kontra l-oppressjoni kolonjali li wasset biex Malta eventwalment tikseb l-Indipendenza mill-barrani. Kien mument fundamentali meta l-Maltin urew li kapaċi jinsew id-differenzi ta’ bejniethom u jingħaqdu flimkien f’ġieħ l-interess komuni, u favur l-awtodeterminazzjoni u monumentgewwad-demokrazija parlamentari. F’dan il-kuntest jistgħu jiġu kkunsidrati l-Arena tal-Indipendenza jew xi mkien madwarha, jew inkella xi mkien qrib il-Parlament il-ġdid, dment li ma tiġix mittiefsa l-prospettiva ta’ ftuħ li fassal Piano għad-daħla tal-Belt.”

Charles Xuereb, li jispeċjalizza  fl-identità u l-memorja kollettiva, u li għal dawn l-aħħar snin ilu jħambaq fuq post xieraq għal dan il-monument (ara l-Blog tal-one.com.mt u l-ktieb tiegħu tal-2014) jgħid li l-monument tas-Sette Giugno jista’ jirritorna fejn kien f’Misraħ San Ġorġ, li Xuereb jemmen għandu jissemma Misraħ Malta. “Jekk jiġri dan għandha titpoġġa l-arma ta’ Malta flok dik Brittanika fuq il-Main Guard. Xejn xejn, forsi nnaqqsu d-drawwa, mhux rispettuża ta’ dan l-aħħar fejn dil-pjazza saret qiesha xi ċirklu.  L-isem fuq il-monument għandu jinkiteb bit-Taljan skont il-memorja nazzjonali tal-poplu, ” jgħid Xuereb

“Minħabba li fl-1919 il-protesta pubblika kontra l-gvern kolonjali fit-toroq tal-Belt għenet biex pajjiżna kiseb l-ewwel parlament rappreżentattiv fl-1921, il-monument jista’ wkoll isib postu fil-wesgħa, fuq nett tat-taraġ il-gdid ta’ Piano li jieħu lejn Hastings, in-naħa l-oħra tal-parlament il-ġdid,” żied Xuereb li spjega l-ħsieb tiegħu.

“L-għoli jgħin biex juri rispett u dinjità lil min iħares ‘il fuq biex jarah bla ma jfixkel id-dehra tal-proġett il-ġdid. Fl-istess waqt ikun qed jorbot storikament mal-ogħla istitutuzzjoni  li ksibna bis-saħħa, in parti, ta’ dal-vittmi.

“Alternattivament, bl-istess rabta, jista’ wkoll jitpoġġa fil-wesgħa, fuq nett tat-taraġ parriġġu li jiġbed lejn Kastilja,” Lil Xuereb l-ideja ta’ quddiem is-suq ma’ togħġbux għax, ghalkemm żgur ahħar minn fejn hu, isostni li dak il-lok jibqa’ dejjem wara l-Palazz.

Clifford Galea, li jistudja l-istorja ta’ Malta qal li meta tara l-kawżi u l-effetti ta’ din il-ġrajja tinduna kemm il-Maltin kienu wkoll pro-attivi u jaġixxu fl-interess nazzjonali.

“Mhux sew li tifkiriet bħal dawn jispiċċaw taħt lenti politika hi liema naħa hi imma tajjeb li kull ċittadin ikun kburi b’li għamlu missierijietna u ngħaddu t-tagħlim lill-ġenerazzjonijiet preżenti. Il-Monument huwa eżempju ta’ dan u għandu jkollu post xieraq. Nemmen li l-pjazza San Ġorg kienet ideali għalih peress li ġara li ġara hemmhekk. Nemmen li għandha ssir bidla fejn saru l-ħwat tal-pjanti u jerġa’ jieħu postu. Il-qofol tal-istorja kollha ġrat hemm,” iddikjara Galea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend