Tfal minn wara gradi twal tal-ħadid: “Imma għala ma tridniex?”   – One News

Notifiki

Tfal minn wara gradi twal tal-ħadid: “Imma għala ma tridniex?”  

Mal-wasla tagħha f’wieħed mill-kampijiet tar-refuġjati li hemm mal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, kienet milqugħa minn Sabha. Tifla ta’ għaxar snin. Ħarbet mis-Sirja flimkien ma’ familtha ftit tax-xhur ilu. Kellmitha bl-Għarbi u weġibtha bil-Malti. Irrakkuntatilha dwar l-iktar lezzjoni favoritha tagħha fl-iskola fejn qed tmur bħalissa fit-Turkija.

Imxiet maċ-ċkejkna id f’id madwar fil-madwar tal-kampijiet. Il-bqija tat-tfal bdew jinġabru magħhom. Fosthom kien hemm erbgħa li qabdu ma’ saqajha. Iddispjaċiha li ma kellha xejn fuqha – ħelu jew ġugarelli – x’tagħtihom. Iżda tifla mfarfra qaltilha: “Mhux problema. Imħabba u attenzjoni kulma jridu.”

Flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali oħra tal-Parlament Ewropew, Pia Micallef daħlet fil-kamp ta’ Nazip bħala parti minn żjara uffiċjali fejn matulha ġie diskuss il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.

It-tifla ċkejkna Sabha, ta' 10 snin
It-tifla ċkejkna Sabha, ta’ 10 snin

Ma’ one.com.mt, il-Maltija rrakkuntat kif f’mument minnhom instemgħet il-qanpiena ddoqq. Kien imiss il-ħin tal-lezzjonijiet taċ-ċkejknin.

“Kaxkruna magħhom fil-klassijiet tagħhom. Tkellimna ma’ wieħed mill-għalliema. Kien minn tal-ewwel li vvolontarja biex jibda jgħallem f’dawn il-kampijiet. ‘Il-ħlas huwa t-tbissima tagħhom’ – qalilna l-għalliem.”

Żaru faċilitajiet oħra. Daħlu f’ħanut tax-xagħar fejn irġiel u nisa kienu qed jingħataw korsijiet fuq ix-xagħar; fis-suq fejn il-familji jistgħu jonfqu it-80 lira li jtihom il-Gvern f’ikel u affarjiet oħra bażiċi; u bandli mdawwar b’barbed wajer.

“Ix-xeni jaqsmulek qalbek. Imma tifel żgħir, bjond, tajjarli ħsibijiet koroh. Talabna biex nilagħbu miegħu.  Kont determinata li ma nibqax naħseb li tfulitu tfisser barbed wajer u gradi għolja tal-ħadid.

“Imħabba u rispett kulma jridu”

Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn, tinsab konxja li privileġjata li twieldet fl-aħjar post, fl-aħjar żmien, bl-aħjar opportunitajiet u ’l bogħod minn sitwazzjonijiet koroh. “Meta ħarist f’għajnejhom, stħajjilthom jgħiduli ‘imma għalfejn l-Ewropa ma tridniex?’

PIA-MICALLEF
Pia Micallef

B’riżultat tal-gwerer u l-kunflitti li hemm fis-Sirja, ftit iżjed minn 2.5 miljun Sirjan  ħarbu minn darhom. Il-Gvern Tork iħaddan politika ta’ bieb miftuħ għal dawk is-Sirjani li jaħarbu minn pajjiżhom. Minkejja dan, huma eliġibbli biss għall-‘Stat ta’ Protezzjoni Temporanja’ – jiġifieri mhux jingħataw l-istess drittijiet bħala refuġjati.

 

 

Xeni minn wieħed mill-kampijiet f’Gaziantep:

Il-bandli f'Gaziantep
Il-bandli msemmi mill-esperjenza ta’ Pia
13227175_1795262324039819_6113412530534466884_n
It-tfal jistennew il-qanpiena ddoqq biex jidħlu għal-lezzjonijiet
13232889_1795262310706487_2156065831952419694_n
L-aħħar tislima lil dawn it-tfal fil-kampijiet
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend