Sogħbiet u apoloġiji politiċi | One News

Notifiki

Sogħbiet u apoloġiji politiċi

Iż-żjara tal-President Amerikan Obama fil-Ġappun dil-ġimgħa ġabet magħha għadd ta’ riflessjonijiet politiċi li jeħduna lura lejn is-6 t’Awissu tal-1945 meta t-Tieni Gwerra Dinjija ntemmet darba għal dejjem b’azzjoni mdemmija wara li l-Istati Uniti tefgħet bomba atomika fuq Ħiroxima u qatlet 140,000 ruħ, bosta minnhom ċittadini komuni.

Ebda apoloġija

L-Amerikani u l-allejati dejjem qiesu dan l-att bħala delitt neċessarju għalkemm ħafna jaħsbu wkoll li l-Amerikani riedu jpattuha lill-Ġappuniżi talli kważi erba’ snin qabel, fis-7 ta’ Diċembru tal-1941 attakkaw Port il-Perla (li l-abitanti tal-gżira Ħawwajana jsejjħulu Wai Momi li tfisser ilmet il-perla). Minħabba dan l-attakk Ġappjuniż aħrax, fejn kien hemm il-bażi tal-marina Amerikana fil-Paċifiku, l-Istati Uniti daħlet fil-gwerra; hawn mietu 2,400 ruħ, inkluż għadd ġmielu ta’ baħrin u uffiċjali. Obama hu l-ewwel president Amerikan li żar il-post b’tant memorji traġiċi. Id-Dar il-Bajda f’Washington mill-ewwel għamlitha ċara li Obama ma kienx se jitlob apoloġija għal dak li ġara 70 sena ilu, ukoll jekk il-Ġappuniżi jqiesu diż-żjara bħala turija ta’ konċiljazzjoni, speċi ta’ sogħba mistura. Irridu nagħmlu ħilitna biex nevitaw it-tbatija tal-gwerer u niftakru fl-erwieħ li qed isejjħulna, stqarr Obama.

 Cameron, Hollande, Brandt

Din mħux l-ewwel darba li mexxejja mill-Punent iddeċidew juru ċertu dispjaċir għall-imgħoddi ta’ pajjiżhom ukoll fi żmienijiet kolonjali.  Cameron fi Frar tal-2013 kien l-ewwel prim ministru Ingliż li żar Amritsar, l-Indja fejn fl-1919 l-Ingliżi kienu immassakkraw 379 Indjan waqt protesta. Meta l-Indjani tliet snin ilu ssikkaw lill-Prim Ministru Cameron biex jagħmel apoloġija stqarr li ‘ikun ħażin jekk immorru lura fl-istorja’. Ġest ta’ sogħba kien biżżejjed.

Sena qabel, f’Diċembru tal-2012 il-President Hollande żar l-Alġerija, eks-kolonja Franċiża, iżda anki hu iddefenda lilu nnifsu għala ma għamilx apoloġija formali: ma ġejtx hawn biex noffri apoloġija, ġejt biex ngħid il-verità. Irridu nistqarru s-sewwa tal-imgħoddi filwaqt li nuru r-rieda biex niffaċċjaw il-ġejjieni.

Kien ferm aktar deċiż u dirett il-Kanċillier Ġermaniż fl-1970 meta niżel għarkubbtejh quddiem il-monument tal-getto ta’ Varsavja fil-Polonja. Waqt il-gwerra nażista s-soċjalista Willy Brandt kien jopponi lil Hitler; hu kien ħarab lejn id-Danimarka fejn irrinunzja ċ-ċittadinanza tiegħu. Fl-1970 ġurnalist ġabar dan il-ġest f’erba’ kelmiet li għadhom jidwu: min ma kellux għalfejn jinżel għarkubbtejh, niżel f’isem dawk kollha li għandhom għalfejn jinżlu għarkubbtejhom, imma ma jinżlux.

Mitt apoloġija mill-Papa Ġwann Pawlu II

Aktarx li l-aktar persunaġġ globali li għamel apoloġiji bla tlaqliq kien il-Papa Ġwann Pawlu II fejn qabeż il-mitt waħda, fosthom waħda kbira meta fl-2001 f’Istanbul talab maħfra lill-Patrijarka ta’ Kostantinopli għall-istraġi li ħallew il-Kruċjati Insara tal-Ewropa kontra ħuthom Insara fl-1204, meta b’konsegwenza l-Knisja Kattolika tilfet lill-Ortodossi.  Apoloġiji oħra għamilhom anki qabel, fosthom lill-memorja ta’ Galileo Galilei talli ntbagħat il-ħabs mill-knisja għax xjentifikament, fl-1633 sab li l-pjaneta tagħna ma kienetx iċ-ċentru tal-univers; kontra l-iskjavitù Afrikan; kontra d-degredazzjoni tal-mara; abbużi sesswali u kontra l-Musulmani kif ukoll għall-atroċitajiet kommessi mill-Inkwiżizzjoni.

Apoloġiji Mediterranji

Ma tantx hu fil-karattru Mediterranju li nagħmlu l-apoloġiji. Is-sogħba tidher kullimkien: biżżejjed tħares lejn l-għana tal-lament fejn għal sekli sħaħ qattajna siegħat ningħu d-dwejjaq tal-firda u l-mewt. Il-Griegi għandhom xogħolijiet monumentali bi traġedji drammatiċi.

Min jaf forsi s-sens ta’ vendetta hu kbir wisq fost il-ġnus tal-baħar ġewwieni, aktarx riżultat ta’ għadd bla qies ta’ gwerer, bosta minnhom imnebbħa minn twemmin jew ieħor. Anki l-Kristjaneżmu għamel karriera jkun ukoll skuża perfetta biex nisirqu, noqtlu, nixtru u nbiegħu ilsiera Musulmani (u xi drabi anki Insara) bir-radam. Hawn Malta kellna suq magħruf ħafna tal-ilsiera. Tassew li l-Ottomani kienu jagħmlu l-istess bl-Insara, imma l-Insara suppost kienu qed jiddefendu s-Salib, simbolu tal-imħabba. Kulħadd kien għalaq għajn waħda, jekk mhux it-tnejn. Il-kavallieri kienu jagħtu l-liċenzji u jieħdu 10 fil-mija tal-qligħ; il-kaptani Maltin kienu jarmaw ix-xwini għal dan in-‘negozju qaddis ‘ filwaqt li għadd ta’ knejjes u kunventi kienu jirċievu għajnuna u teżori misruqa mix-xwini tal-għadu. Imma qatt xi ħadd sema’ li l-Ordni Sovrana tal-Kavallieri ta’ Malta għamlet xi apoloġija għal dak kollu li seħħ kontra n-Nofs Qamar? Kontra l-għadd bla qies ta’ tfal, nisa u rġiel mifrudin u wżati daqs bhejjem f’suq bla ħniena ?

Monument lill-ilsiera

Il-mibki Wettinger kien ippropona, u jien naqbel miegħu, li fost il-ħafna monumenti li nagħmlu għad jonqosna wieħed, anki statali biex ifakkar dawn l-ilsiera, li numru raġonevoli minnhom saru parti min-nazzjon tagħna meta qalbu r-reliġjon u welldu tfal Maltin (spiss ta’ sidhom) u adottaw kunjomiijiet lokali. Tkun għamla ta’ sogħba u apoloġija fl-istess waqt, għalkemm l-inizjattiva għandha tibda mill-Ordni.

Fi żmienna kien ġest sabiħ u turija ta’ sogħba meta l-Isqof Pawlu Cremona tkellem pożittivament fuq Dom Mintoff u l-patrijottiżmu u t-tnebbiħ evanġeliku tiegħu waqt il-funeral tal-eks prim ministru Malti fl-2012. Mhux l-istess għat-tmexxija tal-qawmien tar-raħħala kontra l-gvern Malti ta’ żmien il-Franċiżi meta għadd ta’ saċerdoti kienu nvoluti sew f’assedju ta’ sentejn li sewa l-mewt ta’ 10,000 ruħ, meta l-pajjiż inqasam fi tnejn. Ħadd qatt ma ftakar fihom.

Apoloġija kolonjalista

U sa fejn naf qatt ħadd ma ġie jżurna mill-eks kolonjalisti Brittaniċi biex juri xi sogħba kontra l-mewt tal-vittmi tas-Sette Giugno – la fi żmien kolonjali u l-anqas fil-ħafna żjajjar li saru mill-Indipendenza ‘l hawn. Anzi, il-Maltin tal-1919 kellhom jikkuntentaw b’monument għall-vittmi ‘l bogħod mill-belt kapitali fl-1925, għax setgħu biss jagħmluh fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, fejn ma tarahx jekk ma tmurx apposta. Agħar minn hekk. Wara li fl-aħħar irnexxilna nagħmlu wieħed fiċ-ċentru tal-belt Valletta fl-1986 warrabnih fl-2009 u tfajnih fuq is-sur fi Ġnien Hastings biex ma jmurx xi ħadd jiftakar fihom! Basta l-ġonna aktar iffrekwentati tal-Barrakka u l-imsieraħ ewlenin tal-Belt huma mimlija armi u monumenti ta’ min qatilhom. Sewwa jingħad li pajjiż li ma jirrispettax lill-patrijotti tiegħu ma jistax iħoss ir-ruħ tal-identità. Mhux ta’ b’xejn norganizzaw protesti kontinwi fuq bosta ħwejjeġ, inkluż annimali u siġar (li hu sew) u qatt ma niftakru fir-ruħ memorjali tagħna. Meta se nkunu nazzjon tassew, imkabbar b’niesu u ġrajjietu?

Ir-ritratt tal-ġimgħa nġibuh b’tifkira tal-vittmi tas-Sette Giugno, moħbi fuq is-sur, fi ġnien magħluq, ma jmurx jarah xi ħadd u jintebaħ li missierijietna kellhom il-kurraġġ imutu għal arthom. Ara fil-ġlieda ta’ ħaddieħor niftaħru biha fuq il-bandiera.

Tkun ideja tajba li f’tarf it-taraġ ta’ Piano li jieħu għal Ġnien Hastings, int u dieħel fuq ix-xellug, noħorġu l-monument tas-Sette Giugno mill-ġnien u npoġġuh fuq nett fil-wesgħa biswit is-sur. Awtomatikament jingħata ġieħ billi nħarsu lejh minn isfel għal fuq, b’rispett u qima…bla ma nitilfu l-preġu tal-proġett li sar il-bieraħ.

Hawn jidhru l-monument tas-Sette Giugno, Hastings u t-taraġ li fuq nett tiegħu jista’ jitpoġġa l-monument għal aktar rispett.

7june

charles1

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend