Jintebħu li binhom iżżewweġ minn sentenza tal-qorti – One News

Notifiki

Jintebħu li binhom iżżewweġ minn sentenza tal-qorti

 

Fis-sentenzi tal-Qorti, b’mod partikolari dawk tal-kawżi tal-annulament, jibgħu joħorġu dettalji li wieħed iktar ikun jistennihom minn xi film.

Dettalji li ġieli jkunu minnhom u f’okkażjonijiet oħra mżejna bil-għan li l-partijiet jiksbu dak li jkunu daħlu għalih.

F’sentenza li nqatgħet fl-aħħar jiem il-qorti nnotat kif ġuvni ta’ 19-il sena u tfajla ta’ 23 sena iżżewġu f’Las Vegas u l-ġenituri tal-ġuvni ntebħu b’dan meta f’sentenza tal-qorti snin wara kien hemm referenza lejn il-fatt li r-raġel kien miżżewweġ.

Iż-żwieġ imur lura għall-1999 u sena qabel il-mara kienet welldet l-ewwel wild taghha. Għalkemm permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ċivili kien iddikjarat li ma huwiex iben naturali tar-raġel. Fil-qorti hawn feġġew żewġ verżjonijiet li ma jaqblu xejn.

Ir-raġel qal li qabel ma żżewweg kien sema’ b’xi għidut fuq il-paternità tat-tifel. Jgħid li kien hemm persuna li qallu li t-tifel ma kienx tiegħu iżda huwa ma tax piż lil dan il-kliem u ma qal xejn lil dik li sa dakinhar kienet is-sieħba tiegħu.

Qal li huma żżewgu mingħajr pjanijiet ta’ xejn waqt li kienu fuq btala Las Vegas. Żied li ma ħasbuhiex darbtejn u żżewgu f’kappella. L-unika ħaġa li kienu għamlu hu li xtraw il-liċenzja għaż-żwieg, u ma kienu nfurmaw lil ħadd mill-familjari tagħhom li kienu żżewgu.

Qal li wara ż-żwieg kienu baqgħu flimkien madwar sentejn fost ħafna ġlied u argumenti. Argumenta li ż-żewgt itfal dejjem qieshom bhala uliedu. Xi snin wara s- separazzjoni konsenswali, daħallu suspett li t-tifel ma kienx ibnu naturali u fetah proċeduri fejn kien iddikjarat illi fil-fatt ma kienx ibnu.

Fl-istess waqt xehed li kien hemm ċirkostanzi meta kien waqa` lura fil-manteniment u kien hemm darba fejn skonta perjodu ta’ ta’ ħabs. Kien biss f’dan iż-żmien li l- familja tiegħu saret taf li kien iżżewweġ xi għaxar snin qabel meta l-missier mar jiċċekja sentenza tal-appell.

Peró l-omm tat verżjoni totalment differenti u qalet li r-raġel kien jaf li l-ewwel wild mhux tiegħu tant li kien beda jiltaqa’ magħha x-xatt tal-Isla meta kienet diġa’ tqila. Eventwalment l-iben kien irreġistrat fuq isem ir-raġel anke jekk ma kienx il-missier. Dan għax kien qal li magħha ried jibni familja u ma xtaqx li l-ulied ikollhom kunjom differenti. Biex hekk ittieħdet deċiżjoni li missier il-wild proprja ma jkunx mgħarraf u s-sieħeb il-ġdid tal-mara jassumi r-responsabiltá

Fil-qorti xehdu wkoll il-ġenituri ta’ tfajla u taw verżjoni totalment differenti mill-ġuvni fejn qalu li huma kienu jafu li se jsir iż-żwieġ, anke jekk għalih ma kien mistieden ħadd.

Quddiem żewġ stejjer totalment differenti f’dik li hija sentenza ta’ 15-il paġna li turi kif l-interessi f’dan il-każ setgħu anke finanzjarji, b’waħda mit-temi li tqum tkun il-ħlas ta’ manteniment  u spejjeż dovuti, il-qorti tat deċiżjoni kontra li jingħata l-annulament.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend