€2,500 talli ħadu ħsieb l-ilma – One News

€2,500 talli ħadu ħsieb l-ilma

L-iskola sekondarja tal-bniet tal-Imrieħel ħarġet bl-unuri meta rebħet kwiżż organizzat mill-HSBC Water Programme – Catch the Drop Campaign li ilu għaddej għal iżjed minn tlett snin b’kampanja edukattiva dwar il-konservazzjoni tal-ilma.

Tim ta’ għaxar studenti tat-tielet sena fl-iskola tal-Imrieħel, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Tereża, ħadet sehem fi kwiżż flimkien ma’ tnejn u għoxrin skola oħra indipendenti, tal-knisja u tal-istat. L-istudenti li huma parti minn klabb tal-Ġeografija tal-iskola rnexxilhom iwieġbu tlettin mistoqsija relatata mal-ilma u rebħu din il-kompetizzjoni.

Riżultat ta’ dan, l-iskola se tingħata mal-€2,500 biex toħloq proġett b’rabta mal-konservazzjoni tal-ilma. L-iskola tal-Imrieħel hija ferm marbuta mal-ħażna tal-ilma hekk kif hija l-unika skola li minna jgħaddi l-Akwedott mibni mill-Granmastru Alof de Wignacourt. Inċidentalment is-sena l-oħra, l-iskola iċċelebrat l-erba’ mitt sena minn mindu dan il-proġett tal-Kavallieri tlesta.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *