Malta Kosmopolita | One News

Notifiki

Malta Kosmopolita

Malta kosmopolita

Barra cocktail bil-vodka u magazin tan-nisa li jiġi miktub b’35 lingwa, kosmopolitan tfisser ukoll post, aktarx portwali, li jħaddan demografika – kemm in-nies jiżdiedu jew jonqsu f’area u kemm jibqgħu soċjalment komdi jew le – minn kull naħa tad-dinja, fejn il-komunità taċċetta razzez, reliġjonijiet u kulturi li jitħalltu bla xkiel.  Belt issir aktar kosmopolita aktar ma niesha jkollhom moħħhom miftuħ u lesti jaċċettaw tibdiliet li jressquhom dejjem iżjed lejn l-internazzjonalità tagħhom.

L-aqwa ċorma fil-Mediterran

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar Malta – li nistgħu faċilment inqiesuha belt zgħira Ewropea – qegħda ssir kosmopolita. Bidla tabilħaqq sostanzjali minn dak li konna mdorrija bih sa ftit snin ilu biss, meta kważi kull Malti u Ghawdxi kienu ta’ razza bajda, Kattoliċi prattikanti u tal-ġabra, fi ħdan il-familja tradizzjonali. Kellna ħajja sempliċi, fejn ir-rutina kienet tassigura li kulħadd ikun l-istess, mhux biss kif jidher u jgħix, imma wkoll fi drawwietu u mġiebtu. Konna magħrufin bħala poplu ġwejjed, kajman li dera jaċċetta kulma jgħidlu jagħmel il-barrani li ħakmu, ukoll jekk dejjem kien isib tarf kif ‘jisraq’ xi sengħa biex jagħraf jgħix ftit aħjar milli rieduh. Poplu kawtiel, bieżel, ihabbrek, ihobb ix-xoghol. Fi żmien il-kursara tal-kavallieri ma kienx hawn ċorma aqwa biex torganizza l-qdief fuq xini, minn dik Maltija. Kienu mfittxa mal-Mediterran kollu.

Il-Maltin u l-Għawdxin kisbu l-indipendenza ftit aktar minn 50 sena ilu, avvanzaw u ppruvaw – dejjem b’pass meqjus – jeħilsu mill-irbit kolonjali. Neħħejna l-kuruna Ingliża fl-1974 – ukoll jekk ma nifhimx kif għadna nqimuha f’nofs il-misraħ imsemmi għal din l-istess tneħħija.

Imxejna fi triq kosmopolitana, li llum aktarx qed ngħixu l-milja tagħha b’immaniġġjar ta’ ekonomija li tidher għatxana għal żvilupp b’pass imgħaġġel. Sintendi bidliet bħal dawn, meta jsiru b’ħeffa, barra li jimlewk b’kurraġġ, iġibulek ukoll ċerta skumdità, xi drabi biża li se tiżbalja x’imkien, li mhux se tadatta jew li allaħaresqatt titfixkel u xi ħadd ibeżżlek.

Dan jissejjaħ progress. Malta tidher li tnisslet minn ġenerazzjonijiet ta’ nies ħawtiela, dejjem ħerqana li jsibu tarf ta’ kollox, basta jimxu ‘l quddiem.

Kummerċjanti Maltin fi Franza 347 sena ilu

Il-qawwiet barranin – il-kavallieri ta’ quddiem nett –  swew qatigħ biex rabbejna ċerta grinta, sens ta’ kummerċ responsabbli u ħegga. L-ewwel indikazzjoni kemm dan kien minnu ġara fis-seklu 17, sewwa sew fl-1669 meta s-sultan magħruf Franċiz Lwiġi Erbatax (ir-Re Xemx) intebaħ li l-Maltin huma nies ta’ ħila, kapaċi jinnegozjaw, jikkumerċjaw u jissitiljaw anki f’pajjiżu. Dan għamlu uffiċjalment meta lill-‘kummerċjanti, baħrin u qaddiefa Maltin’ tahom id-dritt li uliedhom jirtu n-negozju u l-propjetà tagħhom meta jiġu nieqsa. Dan magħruf bħala le droit d’aubaine.

Sa fejn nafu, din kienet l-ewwel darba li awtorità daqstant b’saħħitha u magħrufa fid-dinja għarfet lill-Maltin preċizament fuq il-ħiliet tagħhom. Din ma kienetx xi ħaġa ta’ fula f’qargħa. Ftit anqas minn mitt sena wara s-sultan Lwiġi Ħmistax, sewwasew fl-1765 għaraf ‘lill-abitanti tal-gzejjer, fejn tmexxi l-Ordni ta’ Malta bħala ċittadini tar-Renju ta’ Franza bi drittijiet li jgħixu, jixtru u jbiegħu propjetà fil-pajjiż.’ Għamilha ċara li qed jagħti dad-drittijiet lill-abitanti mhux lill-Kavallieri (li l-maġġoranza tagħhom ġa kienu Franċiżi). Tħossok kburi li nissluk dat-tip ta’ nies b’ħiliet u viżjoni ‘il bogħod minn xtutna. Żmien il-Kavallieri welled ukoll l-ewwel qawmien biex gżiritna toħroġ mill-medjuevu u ġġib il-politika moderna, meta Vassalli u sħabu għenu lil Bonaparti jibdel id-destin tagħna. Milli jidher dik ix-xrara għadha mixgħula.

Mudell ekonomiku fl-Ewropa

Xejn ma jidher jaqtagħlna qalbna. Qed inħaffu nsiru kosmpolita, għax illum ma bqajniex waħedna. Sa ftit żmien ilu, qabel dħalna fl-Ewropa, konna qed nibzgħu li l-barranin se jisirqulna xogħolna. Illum bi’xi 27,000 ħaddiema barranin mhux dejjem insibu Maltin biżżejjed biex jagħmlu x-xogħol li qed jinħoloq. Konna nibzgħu li l-emigranti klandestini se jinvaduna. Illum naccettaw minn jeddna li nissetiljaw xi whud biex nghinuhom. Inholoq il-gid fil-pajjiz fi zmien meta l-girien taghna jinsabu mghobbija bi problemi ta’ nuqqas ta’ stabbilità, terroriżmu jew qagħad. Spanjoli u Taljani jaslu kuljum fostna jfittxu fejn idawwru ewro għax f’pajjiżhom – ferm akbar u mimli riżorsi – sabuha diffiċli. 12-il sena ilu dħalna fl-Ewropa meta ma konniex ċerti mill-futur; illum fost l-aktar pajjiżi eżemplari fl-Unjoni Ewropea kważi kważi sirna mudell ekonomiku. Saħansitra min daħal qabilna, ix-xahar id-dieħel se jagħmel referendum biex jara jibqax! Għandna l-ħila nadattaw, inħarsu ‘l quddiem b’viżjoni, ma naqtgħux qalbna.

Kredenzjali ta’ mexxejja moderni

Dil-ħila li nadattaw iġġib magħha sagrifiċċji, ħidma sfieqa, dixxiplina u ħila ta’ maniġġjar. Fil-fatt dawn saru l-kredenzjali ta’ kull min jaspira li jmexxi l-poplu lejn orizzonti aħjar. Ħadd mhu perfett u xi drabi t-trasformazzjoni tad-dinamika li jitlob il-progress tħalli warajha vittmi, nuqqasijiet u bżonn ta’ tiġdid. Fil-fixla biex nadattaw nistgħu allaħaresqatt ninsew lil min hu verament l-iżjed fil-bżonn, lil min jista’ jagħti kontribut akbar lil pajjiżu. Nistgħu wkoll faċilment nakkomodaw il-qliegħ bla ma naraw il-kumdità eżiġenti taċ-ċittadin.

Eżempji zgħar huma r-riżorsi li qed ikollna ninvestu fihom biex nilqgħu għall-influss dejjem jikber ta’ turisti u residenti barranin fostna. L-enerġija tidher li se tkun moħħ mistrieh u dejjem aktar nadifa; nidhru kommessi għal trasport aħjar iżda jidher li t-talba għal das-servizz qed tikber b’pass imgħaġġel wisq.

Il-progress għandu ħabta ilebbet aktar minnek.

Irridu ndawwru l-sifidi negattivi fil-pożittiv: jekk għandek traffiku, aħsiblu f’mezzi ta’ trasport ġodda; jekk tispiċċa bin-nies jistennew fuq waqfa tal-karozza tal-linja f’ċerti destinazzjonijiet iffullati, daħħal aktar karozzi biex tesplojta l-opportunità; jekk għandek bottle necks li qed idgħajjfu l-mogħdija tat-traffiku sblokka x-xkiel; jekk trid tbiegħ il-kċina Maltija lit-turist, ara li tkun tassew awtentika.

Ma nsirux bliet eġemoni

Jekk tanalizza x’jiġbed lin-nies lejn din id-daqsxejn ta’ blata, issib li qabelxejn għandek tieħu ħsieb l-ambjent tagħha. Jekk magħrufin għax-xemx, tipprovax taħbiha fl-abitant b’torrijiet li jġibu lil Malta tixbaħ lil għadd kbir ta’ bliet eġemoni, fejn ħlief torrijiet bla qies ma tarax u minn fejn ikunu qed jaħarbu t-turisti li jiġu hawn!  Jidher li f’dil-leġislatura tfaċċaw gelgul ta’ idejat u proġetti innovattivi – tajjeb li qatt ma nieqfu noħolmu u noħolqu iżjed minnhom b’mod ħolistiku iżda wkoll li jeħduna lil hinn minn xtutna biex jibqgħu sostenibbli. Il-fiduċja f’min imexxi tisseddaq billi, barra flus fil-but b’ġustizzja għal kulħadd jidhru wkoll qed jitwettqu xewqet l-abitanti ta’ post kosmopolita. Iċ-ċittadini huma l-akbar shareholders.

Ir-ritratt tal-gimgħa: La Défense tinsab ħarira ‘l barra miċ-ċentru storiku ta’ Pariġi f’linja dritta mal-Arc de Triomphe. Inbniet fis-snin tmenin wara li l-belt kapitali Franciza ħadet deċizjoni issalva l-Belt u minflok tiġbor bini għoli kollu qrib xulxin – speċi ta’ smart city – fejn inbnew għadd ta’ gerriefa s-sema (skyscrapers) meta fl-1973 ma felħitx aktar tara l-blokka għolja 210 metri ta’ Montparnasse (f’Pariġi wkoll) li t-turisti bdew isejjħu mhux Eiffel Tower (gholi 301) imma Awful Tower. F’Malta nemmen li l-blokki tat-torrijiet għolja flok f’nofs kwartieri ġa ffullati bir-residenti, għandna nibnuhom fi Smart City; inkella għal xhiex inhi smart ?!

 towers

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend