Oppożizzjoni li se tibqa’ kontra l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment – One News

Notifiki

Oppożizzjoni li se tibqa’ kontra l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment

Huwa ċar li l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti fuq l-attitudni distruttiva li għażlet li tieħu sa mill-ewwel jum li tħabbar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.

Dan qalu l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fi stqarrija, b’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ aktar kmieni l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami.

Interessanti li, wara sentejn tgħid li l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment huwa wieħed li “jaħbi” lil min jieħu sehem f’dan il-programm, l-Oppożizzjoni tiddentifika nies li tgħid li huma parti mill-programm.

L-istqarrija tinnota li l-unika ħabi ta’ nies qed isir mill-Partit Nazzjonalista, bl-iskema ta’ dejn sigriet biex jaħbi l-identità tad-donaturi tiegħu u jevitaw it-trasparenza tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

L-argumenti negattivi tal-Oppożizzjoni dwar l-IIP ma kkonvinċewx, u dan fil-fatt sar l-unika programm approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma rnexxilux jilħaq l-iskop tiegħu li jħassar, u għalhekk issa beda jivvinta allegazzjonijiet ġodda, tkompli tgħid l-istqarrija.

L-istess Simon Busuttil, li kien qal li jekk ikun Prim Ministru jirtira ċ-ċittadinanzi kollha li jkunu ngħataw b’dan il-programm, issa qed jipprova jbeżża’ li hawn ċittadini Maltin li ħadu l-vot bla dritt.

Fir-realtà, l-unika suspett serju ta’ xiri ta’ voti seħħ fil-leġiżlatura li għaddiet meta f’Għawdex kienu jsiru xogħlijiet privati minn fondi pubbliċi. Dakinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien staqsa biss għala kompla dan l-aġir ladarba kienet ovvja li l-Partit Nazzjonalista kien se jitlef l-elezzjoni ġenerali.

Dr Busuttil jaf li l-Qrati—u mhux politiċi—li jiddeċiedu dwar id-dritt  tal-vot f’każ ta’ persuni li ma jkunux qattgħu l-perjodi ta’ residenza f’Malta li trid il-Kostituzzjoni. Jaf ukoll li l- Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment huwa mħares minn regolatur indipendenti li nħatar bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend