Serqa fil-Ħamrun tħalli ġuvni ferut – One News

Notifiki

Serqa fil-Ħamrun tħalli ġuvni ferut

Żagħżugħ ta’ dsatax–il sena, li jaħdem fi stabbiliment tal-logħob, qed isofri minn xi ġrieħi wara li lbieraħ seħħet serqa fl-istabbiliment li jaħdem fih fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart tal-Ġimgħa filgħaxija fi Triq Dun Nerik Cordina Perez fil-Ħamrun. Jirriżulta li żewġ persuni mgħammda lebsin hoodie daħlu fl-istabbiliment u wara li aggredew lill-impjegat, talbuh il-flus.

Jidher li ż-żewġ ħallelin kienu armati b’arma tan-nar u sikkina, u rnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post b’ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. Fil-ħin tas-serqa, fil-ħanut kien hemm xi klijenti, li ħadd minnhom ma’ weġġa għajr l-impjegat – li sofra ġrieħi ħfief. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend