Bejn li tamministra u timmaniġja | One News

Notifiki

Bejn li tamministra u timmaniġja

Kemm ħareġ id-distinzjoni ċara il-Prim Ministru fil-Qredni, bejn li “tamministra” u “timmaniġja”.  It-tnejn huma kliem bl-istess numru t’ittri fihom iżda jekk tpoġġihom fuq miżien, li tamministra ftit li xejn fiha piż, iżda li timmaniġja tfisser determinazzjoni u heġġa, u fiha nfisha tfisser impenn kbir.

Fl-aħħar 25 ta’ Gvernijiet preċedenti, li tamministra kienet prijorità.  Faċli tmur għax-xogħol biex sempliċement tagħmel l-inqas li wieħed jistenna minnek.  Ma jfissirx li qed tgħamel xi haġa ħażina iżda li tamministra biss, biż-żmien toħloq telqa u apatija.  Hija faċli li taqa’ f’din il-kategorija.  B’xi mod jew ieħor kulħadd kapaċi jamministra, iżda li Gvern jamministra tfisser nuqqas ta’ motivazzjoni u enerġija.

F’dawn l-aħħar tlett snin rajna Gvern li huwa manager tajjeb. Gvern li huwa konxju tal-isfidi li qed jinħolqu quddiemu u madwaru, iżda Gvern li minkejja li l-mewġ baqa’ jħabbat f’pajjiżna, kien kapaċi li jegħleb il-maltemp u joħloq il-bnazzi.  Li tkun manager tajjeb ma jfissirx biss li tkun determinat, iżda jfisser ukoll li trid tkun kapaċi tieħu deċizjonijiet għaqlin. Deċiżjonijiet li kif qal ben tajjeb il-Prim Ministru, xi drabi ma tridx tarahom u toħodhom minn lenti ta’ accountant iżda trid tmur oltre minn hekk.

Eżempju ta’ dan kien li ta’ l-Prim Ministru fejn jidħlu iċ-ċentri taċ-child care b’xejn.  Taħt amministrazzjoni preċedenti din rawha minn lenti ta’ accountant u għalhekk qatt ma ġiet implimentata, iżda minn lenti ta’ Gvern b’viżjoni din rawha li tista’ toħloq aktar impjiegi u saħansittra l-ispiża ta’ 12–il miljun, kemm tiswa din lill-Gvern, tispiċċa’ toħloq il-ġid minnha tant li l-Gvern jispiċċa jdaħħal iktar.

Id-differenza bejn Gvern li jamministra u bejn dan il-Gvern li jimmaniġja tfisser li tkun konxju ta’ x’qed isir madwarek biex dejjem timmodernizza u tkun minn ta’ quddiem biex iġġib l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol għal pajjiżek.  Gvern li huwa determinat li jkun  minn ta’ quddiem nett biex lil pajjizu jagħtih l-aqwa u ma jħallieh qatt jaqa’ lura kif kien qed jiġrilu snin ilu.

Gvern li huwa manager tfisser ġid u suċċess li fl-istess ħin dan joħolqu mhux billi jgħakkes liż-żgħir jew lil min huwa bieżel, iżda billi joħloq il-ġid bil-għaqal mingħajr ma jbgħati hadd.

Fil-passat, għal min kien biss jamministra, d-defiċit kien jipprova jnaqqsu billi mil-pezza drapp li kellu, iġebbed minnha kemm jiflaħ, iżda xejn ma kien ikun ġdid. Min kien jamministra kien imdorri li b’dak li kellu joqgħod. Xejn innovattiv jew modern.  Madankollu għal min kien jamministra, kien bravu biex jgħabbi lill-poplu b’piżijiet u taxxi żejda biex hu jieħu 500 ewro fil-ġimgħa żieda.

Illum qegħdin naraw tmexxija li toħloq il-ġid bil-ġid stess. Toħloq il-ġid billi miegħek ma tirraġunax ta’ accountant iżda tirraġuna b’ruħ soċjali u b’kuxjenza soċjali.  Illum qegħdin naraw Gvern li lil dan il-pajjiż irnexxielu jġibu l-aqwa fl-Ewropa, Gvern li minkejja li ilu tliet snin biss fit-tmexxija tant kien kapaċi jqajjem lil dan il-pajjiż fuq saqajħ li anki l-Unjoni Ewropea issa bassret li l-ġid f’pajjiżna mistenni li jkompli jikber f’dawn is-sentejn li ġejjin.

Għalhekk li tamministra tfisser mod iżda li tkun manager tajjeb għal pajjiżek tfisser l-ewwel u qabel kollox li jkollok imħabba vera għal pajjiżek u għall-poplu Malti kollu. Dan huwa dak li qed isarraf Gvern immexxi minn Joseph Muscat – ġid, determinazjzoni u viżjoni.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend