Jekk Simon Busuttil irid ikun kredibbli, Tonio Fenech għandu jirriżenja – One News

Notifiki

Jekk Simon Busuttil irid ikun kredibbli, Tonio Fenech għandu jirriżenja

Bl-istandards li jipprietka tant dwarhom il-Kap tal-Oppożizzjoni, Tonio Fenech għandu jirrizenja immedjatament. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Owen Bonnici u d-Deputat Laburista Silvio Schembri.

Owen Bonnici fakkar kif għal numru ta’ ġimgħat konna nisimgħu mill-Kap tal-Oppożizzjoni li jekk ikollok kumpanija offshore f’ġurisdizzjonijiet bħal British Virgin Islands u Jersey dik hija korruzzjoni, u għalkemm jien ma nemminx li jekk isir dan dik hija korruzzjoni, issokta jgħid Dr Bonnici, bl-istandards ta’ Simon Busuttil allura Tonio Fenech għandu jirrizenja.

Iżda huwa ċar li dak li jgħodd għal naħa ma jgħoddx għal oħra għal Kap tal-Oppożizzjoni saħaq il-Ministru tal-Ġustizza, Kultura u Gvern Lokali. S’issa diġa’ għaddew 24 siegħa minn meta ħarġet din l-istorja, u Simon Busuttil għadu ma qal xejn, sostna Owen Bonnici. Il-Ministru fakkar ukoll fil-każ ta’ Ann Fenech li hi direttriċi f’ditta li tiftaħ kumpaniji offshore fosthom anke fil-Panama u l-każ tal-Viċi Kap Nazzjonalista Mario DeMarco li sarulu xogħolijiet fid-dar tiegħu 6 snin ilu u tħallsu issa wara li l-kuntrattur involut isemma fil-Panama Papers. Fuq dan il-każ, stqarr Dr Bonnici, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal lil Mario DeMarco biex ma jinkwetax u li m’għandux għalfejn jirrizenja. Meta tqis dan kollu, jekk irid ikun kredibbli għall-ewwel darba minn meta laħaq Kap, Simon Busuttil irid jieħu azzjoni, tenna Owen Bonnici.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista Silvio Schembri fakkar kif f’din l-istorja Tonio Fenech huwa involut professjonalment f’Jersey u l-British Virgin Islands, filwaqt li l-istess Fenech għandu kumpaniji ma’ nies li huwa kien appunta fil-BOV, meta huwa kien il-Ministru responsabbli mill-istess bank. Id-Deputat Laburista staqsa jekk din hux etika filwaqt li għamel referenza għad-diskors li għamel l-eks-Ministru Nazzjonalista Fenech fil-Parlament fejn kien qal li l-British Virgin Islands huwa pajjiż magħruf għas-segretezza.

Schembri sostna li l-aktar li jinkwieta huwa mhux li xi ħadd fin-negozju jidħol fil-politika, iżda li bnieden li spiċċa mill-politika jidħol fin-negozju wara, grazzi għall-kuntatti li jkun għamel fil-politika. Fl-aħħarnett id-Deputat Laburista staqsa x’kienet ir-raġuni wara n-nies li appunta Tonio Fenech fil-BOV u x’ser jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni bl-istess riga tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend