Panamagate, Beppegate… Għaliex kollha bis-suffiss -gate? | One News

Notifiki

Panamagate, Beppegate… Għaliex kollha bis-suffiss -gate?

Ftit tal-jiem ilu reġa’ ġie f’idi ktieb li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Qed nirreferi għal Animal Farm ta’ George Orwell. Fil-foreward tal-awtriċi Amerikana Ann Patchett ġibidli l-attenzjoni t-terminu Watergate, għaliex f’dawn l-aħħar ftit xhur is-suffiss -gate donnu nfiltra sew fil-lessiku politiku Malti. Staqsejt lili nnifsi għaliex l-iskandlu taż-żejt sejjaħnilu Oil Scandal u mhux Oilgate, u li kieku ma kontx naf dwar l-oriġini ta’ dan is-suffiss kont naħseb li din l-imbierka -gate introduċejniha issa, fl-2016.

F’sorsi akkademiċi hemm listi sħaħ ta’ skandli u kontroversji li jinkludu s-suffiss –gate, iżda għaliex –gate u mhux suffiss ieħor? L-iqsar risposta hija: b’analoġija mal-iskandlu ta’ Watergate.

Is-suffiss –gate li jingħaqad ma’ isem biex jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ skandlu, imġiba mhux etika u ħabi, partikolarment fil-politika, kien promoss mill-ġurnalist tan-new York Times William Safire, li preċedentament kien ukoll il-kittieb tad-diskorsi ta’ Nixon.

Hemm ħafna xi tgħid (anki dwar ir-relevanza tal-istess suffiss li donnu sar cliche`) iżda se nipprova nkun konċiża u niffoka partikolarment fuq l-iskandlu msemmi. L-iskandlu ta’ Watergate kellu x’jaqsam speċifikament mal-politika interna tal-Istati Uniti fil-bidu tas-1970ijiet madanakollu, is-suffiss –gate spiċċa nfirexx ma’ diversi pajjiżi, saħansitra lil hinn minn dawk li jħaddnu l-lingwa Ingliża. Dan l-iskandlu ħa ismu mill-kumpless Watergate fil-kapitali Amerikana Washington D.C,  kumpless li kien imsemmi wara l-post fejn kienu jsiru il-kunċerti tal-orkestra sinfonika bejn l-1935 u l-1965.

X’kien eżattament l-iskandlu ta’ Watergate?

Watergate kien skandlu politiku kbir li seħħ fl-Istati Uniti, fil-kampanja Presidenzjali tal-1972, meta l-amministrazzjoni tal-President Richard Nixon, ppruvat tgħatti l-involviment tagħha wara li, bi skop ta’ spjunaġġ, ħames individwi sgassaw il-kwartieri ġenerali tad-Demokratiċi, fl-uffiċċju tal-kumpless Watergate. Eventwalment, meta l-Kungress Amerikan skopra u investigata l-konspirazzjoni, ir-reżistenza mill-amministrazzjoni ta’ Nixon għall-investigazzjoni wasslet għal kriżi kostituzzjonali. L-iskandlu wassal fost l-oħrajn biex jiġu skoperti diversi abbużi tal-poter mill-amministrazzjoni ta’ Nixon, artikli ta’ “impeachment” u eventwalment ir-riżenja tal-istess President f’Awwissu tal-1974.

L-investigazzjoni  żvelat li l-presdient Nixon kellu sistema ta’ tape-recording fl-uffiċini tiegħu u li kien irrekordja ħafna konverżazzjonijiet. Wara battalji twal fil-qrati, il-Qorti Suprema Amerikana unanimament iddeċidiet li l-President kien obbligat jirrilaxxa t-tapes lill-investigaturi governattivi, bir-recordings jiżvelaw li l-President prova jaħbi attivitajiet li seħħew wara l-isgass, kif ukoll li uża uffiċċjali federali biex jiżvijaw l-investigazzjoni. It-terminu Watergate beda jinkludi firxa ta’ attivitajiet klandestini u ħafna drabi illegali mill-membri tal-amministrazzjoni Nixon lejn dawk fil-kamp oppost, bl-involviment tal-FBI, is-CIA u l-IRS.

Screen Shot 2016-05-07 at 13.28.22

L-iskandlu tal-Watergate jġagħlek taħseb u tistaqsi dwar meta skandlu huwa b’saħħtu biżżejjed biex jingħata s-suffiss –gate jew inkella jekk dan hux qiegħed isir biex tinġbed l-attenzjoni jew tingħata aktar kredibbilta` lill-kontroversji jew skandli li ma jixbhu xejn lil dak ta’ Watergate.

Nimmaġina li x-xewqa ta’ kulħadd hija li ma nisimgħux b’aktar –gates. Stenn, jew bil-kontra?

Għax dawn il-gates donnhom jagħtu l-adrenalina biex kulħadd isemma’ l-opinjoni tiegħu, biex nagħmlu l-programmi, niddiskutu, nattakkaw, nistagħġbu u hawn min saħansitra jibda jħossu election mode. Insomma, nispera li dan l-artiklu serva biex meta nużaw is-suffiss –gate id-darba li jmiss (nittama li fadal ħafna żmien) nifhmu ftit aħjar x’inkunu qegħdin ngħidu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend