Il-Pulizija Belġjana kienet taf mill-2014 dwar il-pjanijiet tal-aħwa Abdeslam | One News

Notifiki

Il-Pulizija Belġjana kienet taf mill-2014 dwar il-pjanijiet tal-aħwa Abdeslam

Skont rapporti dwar l-attakki f’Pariġi , Il-pulizija Belġjana kellha informazzjoni min-nofs is-sena 2014 dwar il-ħsieb li kellhom Salah u Brahim Abdeslam li jwettqu attakk fuq il-belt ta’ Pariġi .

Brahim Abdeslam sploda lilu nnifsu matul l-attakki f’ Pariġi f’ Novembru li għadda, attakk li matulu qatel 130 persuna, filwaqt li ħuħ Salah ħarab minn fuq il-post u ġie arrestat fi Brussel fl-aħħar xahar, propju erbat ijiem qabel l-attakki terroristiċi fi Brussell.

Il-konklużjonijiet tar-rapport, li kopja tiegħu kienet miksuba mis-sit POLITIKO,  jgħid kif r- radikalizzazzjoni tal-aħwa, konnessjonijiet bejn l-aħwa u l-moħħ wara l-attakki ta’ Pariġi Abdelhamid Abaaoud, kif ukoll l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu xi tip ta ‘att, kien magħruf mill-forzi tas-sigurta’ Belġjani sew qabel l-attakki.

Is-sezzjoni kontra t-terroriżmu tal-pulizija sostniet li ma setatx tagħmel rapport kriminali dwar l-aħwa, dan wara li ma setax jiġi stabbillit b’ċertezza min mill-aħwa kien involut f’dawn il-pjanijiet.  Iżda ir-rapport li annalizza l-argumenti mressqa mill-pulizija, qal li l-ismijiet taż-żewġ aħwa li kienu jgħixu Molenbeek fi Brussell, kienu diġa mniżla fid-database tal-pulizija.

Il-pulizija kellhom ukoll f’idejhom komputers, USB sticks u informazzjoni dwar it-telefonati tal-aħwa Abdeslam sa minn Frar tal-2015, iżda r-rapport jgħid li din l-informazzjoni ma ntużatx, “L-anqas wara Pariġi, u l-anqas riċentament.”

‘Le Soir’ irrapurtat kif it-talba mill- prosekuturi Belġjani sabiex ikunu jistgħu janallizzaw it-telefonati u l-imejls tal-aħwa Abdeslam ġiet miċħuda mill-pulizija minħabba nuqqas ta ‘riżorsi. Din it-talba saret mis-sezzjoni kontra t-terroriżmu, wara li gew interrogati l-aħwa mill-awtoritajiet, wara suspett li kienu qiegħdin jippjanaw vjaġġ lejn is-Sirja fil-bidu tal-2015. Kien propju fil- 21 ta’ April 2015, li l-pulizija ddeċidiet li l-fajl tal-aħwa Abdeslam ma kellhu l-ebda bżonn li jiġi revedut.

Dan ir-rapport li eżamina n-nuqqasijiet tal-pulizija rigward l-attakki ta’ 13 ta’ Novembru f’Pariġi, ġie abbozzat mill-Comite’ P, li kien magħmul sabiex jinqara minn  Membri Parlamentari li kienu pprojbiti milli jieħdu noti minn dan ir-rapport kif ukoll ma setawx jieħdu koppja tar-rapport mill-kamra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend