Fl-UE: 250,000 tifel u tifla fis-sena jkunu dikjarati nieqsa | One News

Notifiki

Fl-UE: 250,000 tifel u tifla fis-sena jkunu dikjarati nieqsa

Kull sena 250,000 tifel u tifla fl-Unjoni Ewropea jkunu dikjarati nieqsa. Tlieta minn kull erbgħa (76%) li jinħatfu, jinqatlu. Il-qtil tagħhom iseħħ fl-ewwel tliet sigħat minn xħin jinħatfu.

Sfortunatament it-tfittxija għal tfal li jinħatfu ħafna drabi tieqaf mal-fruntieri interni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropeja u ma jinfirxux ’il barra mill-fruntieri.

Fid-dawl ta’ dan, l-MEPs Miriam Dalli u Roberta Metsola ingħaqdu ma’ diversi Membri Parlamentari Ewropej oħra, li qegħdin jappoġġaw dikjarazzjoni bil-miktub dwar it-tfal maħtufa. Filwaqt li esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom, sejħu għal titjib fil-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi membri fis-sistemi ta’ emerġenza biex jinstabu tfal neqsin li jkunu qegħdin fil-periklu, u titjib fil-mekkaniżmi ta’ allert fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

“It-tfal u l-interessi tagħhom huma ta’ prijorità fix-xogħol politiku tieghi. Nemmen li għandna nibqgħu naħdmu biex nipproteġu lit-tfal b’kull mod u għandna naraw li nagħmlu minn kollox biex nassigurawlhom ħajja aħjar. L-għan tagħna bħala MEPs kien li nippruvaw naċċertaw ruħna li jkollna sistema li tipprova tipproteġi kemm jista’ jkun tfal. Huwa ta’ sodisfazzjoni li rnexxielna nġibu l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari favur tagħna fuq dan is-suggett,” qalet Miriam Dalli.

Roberta Metsola saħqet li “t-tfal huma fil-qalba tal-politika tagħna, kemm bħala Partit fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew imsieħba fil-Partit Popolari Ewropew. Il-ħarsien tat-tfal, f’kull ċirkostanza għandha bżonn ħidma intensiva u impenn minn kull min hu nvolut.

Din l-inizjattiva għall-koperazzjoni assoluta bejn l-iStati Membri f’dan il-qasam għandha twassal għal progress fil-ġlieda kontra l-ħtif, it-traffikar u l-qtil tat-tfal. Hu għalhekk li jien tajt l-appoġġ kollu tiegħi għal din l-inizjattiva, kemm bħala Membru tal-Parlament Ewropew kif ukoll bħala omm. Dan hu eżempju ieħor ċar ta’ kif ftehim u koperazzjoni bejn l-iStati membri jista’ jkun ta’ servizz kbir għal uliedna.”

Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni bil-miktub, il-Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea biex jattwaw pjan b’ħames proposti imħejji minn Network polizjesk.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tintalab ukoll li tagħmel kull sforz biex tinkoraġġixxi l-prattika li permezz tagħha, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-fruntieri u l-pubbliku fil-pajjiżi tal-madwar jiġu infurmati immedjatament.

S’issa din id-dikjarazzjoni kienet iffirmata minn 454 Membru Parlamentari Ewropew u se ddum miftuħa sad-9 ta’ Mejju.

Il-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Miriam Dalli esprimew it-tama li din id-dikjarazzjoni tkompli ssib l-appoġġ ta’ aktar Membri tal-Parlament Ewropew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend