16-il tqala adolexxenti | One News

Notifiki

16-il tqala adolexxenti

Din is-sena diġa’ rrikorrew għas-servizzi taċ-ċentru Għożża 16-il tfajla li lkoll inqabdu tqal fl-adolexxenza tagħhom. Qalet dan, Melanie Bonavia, li tmexxi dan is-servizz li spjegat kif mhux kull każ jiġi ttrattat bl-istess mod u dan għaliex meta tfajla tiġi kkuntattjata, wieħed irid jara l-ewwel u qabel kollox x’inhuma l-ħtiġijiet tat-tfajla f’dak il-mument partikolari.

Mal-ġurnall KullĦadd Bonavia fissret kif hemm tfajliet li x-xewqa tagħhom tkun li jibqgħu jattendu l-iskola b’mod regolari, allura tingħata għajnuna wkoll lil dawn it-tfajliet biex jintlaħaq bilanċ bejn li tkun studenta adoloxxenti u omm żagħżugħa bir-responsabbiltajiet kollha li din iġġib magħha.

Is-servizz taċ-ċentru għożża huwa wieħed li issa ilu mfittex bosta snin u Bonavia tispjega kif ġieli tirċievi telefonati minn tfajliet li jkunu ilhom snin twal ma jattendu imma fil-verità jċemplu biex jieħdu parir fuq it-trobbija u l-edukazzjoni ta’ wliedhom. “Din hija xi ħaġa li tolqotni ħafna u turini wkoll x’responsabbiltà kbira għandna fix-xogħol li nagħmlu. Is-sodisfazzjon tagħna hu meta tfajla tilqa’ l-isfidi ta’ omm żagħżugħa bir-responsabbiltajiet kollha li dawn iġibu magħhom u jirnexxilha teduka ruħha mhux biss fuq livell akkademiku, iżda wkoll fuq livell emozzjonali u psikoloġiku.”

Tkellmu wkoll żewġ tfajliet li qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar dan is-servizz. Waħda minnhom sostniet bla tlaqliq li Servizz Għożża għenha ssir aktar kunfidenti fi żmien fejn kien diffiċli ħafna għaliha. “Minkejja li sibt appoġġ mingħand il-familja tiegħu, Servizz Għożża għeni biex ma nħossnix waħdi billi naqsam l-esperjenzi tiegħi ma’ tfajliet oħrajn li kienu għaddejjin mill-istess sitwazzjoni tiegħi.

Tfajla oħra qalet: “Minkejja li kont tqila, xorta ridt li nagħmel l-eżamijiet tal-Livell Ordinarju. Dan is-servizz għeni mhux biss biex nieħu ħsieb it-tarbija tiegħi, iżda għeni niffaċċja wkoll l-isfidi li kont niltaqa’ magħhom ta’ kuljum.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend