L-Air Malta mhux se taffaċċja konsegwenzi legali | One News

Notifiki

L-Air Malta mhux se taffaċċja konsegwenzi legali

L-Air Malta mhux se taffaċċja konsegwenzi legali, minkejja li l-miri stabbiliti fil-pjan ta’ ristrutturar għadhom ma ntlaħqux.

Tgħid dan il-Kummissjoni Ewropea, hekk kif kwotata minn The Malta Independent.  Fil-pjan ta’ ristrutturar, l-Air Malta kienet mistennija tkun vijabbli sa Marzu 2015, u f’Marzu ta’ din is-sena tirreġistra qliegħ.

Pero minħabba waqgħa lura fil-pjan, attribwita għal nuqqasijiet fl-immaniġjar taħt amministrazzjoni preċedenti, mistenni li s-sena li għalqet f’Marzu li għadda, tirreġistra telf ta’ erba’ miljun ewro.

Minkejja dan, jidher li l-Kummissjoni Ewropea issa qed turi fiduċja f’pajjiżna, hekk kif mistennija tħalli f’idejn pajjiżna biex isolvi din il-kwistjoni. The Malta Independent jikkwota kelliem għall-Kummissjoni Ewropea jgħid li l-Air Malta kienet konformi mal-impenji tagħha, fosthom fit-tnaqqis tal-kapaċità, u fl-iżvestiment – iġifieri bejgħ ta’ parti mill-operazzjonijiet, diviżjonijiet jew sussidjarji tagħha.

Filfatt fost miżuri oħra, kien hemm il-bejgħ ta’ Selmun Palace, u t-tnaqqis tal-flotta – għalkemm ma tnaqqsux it-titjiriet u d-destinazzjonijiet. Rigward is-sejba ta’ sieħeb strateġiku għall-Air Malta, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis tenna li qed isiru d-diskussjonijiet, bil-pjan hu li jkun iffirmat memorandum of understanding ma’ sieħeb strateġiku, li mbad jiftaħ it-triq għal diskussjonijiet fl-aspett tekniku.

Tenna wkoll li l-Air Malta se żżomm isimha, u l-Gvern se jżomm il-parti l-kbira tal-ishma fil-kumpanija. Fl-istess waqt żied jgħid li fid-diskussjonijiet tiegħu, il-Gvern qed iżomm fuq quddiem l-interess tal-ħaddiema fil-kumpanija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend