Chris Said f'każ ċar ta' favoritiżmu politiku – Michael Farrugia | One News

Notifiki

Chris Said f’każ ċar ta’ favoritiżmu politiku – Michael Farrugia

Art esproprijata mill-Gvern għoxrin sena qabel biex isir housing soċjali għaddiet għand is-sidien oriġinali 48 siegħa qabel l-aħħar elezzjoni b’daqqa ta’ firma ta’ Chris Said f’każ ċar ta’ favoritiżmu politiku.

Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista,  indirizzata mill-Ministru Michael Farrugia u mid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.

Il-Ministru Farrugia qal li wara għexirien ta’ snin li kienet esproprijata l-art f’tal-Fiddien in-Naxxar u li saret propjetà tal-Gvern fl-1996, il-Gvern Nazzjonalista kien ċeda għall-pressjoni biex ma jitlifx voti lejliet l-elezzjoni u reġa’ għadda l-art lis-sidien oriġinali minkejja li fuq l-art kellu jsir proġett ta’ housing soċjali u minkejja li l-istess Gvern kien ċaħad l-istess talba tas-sidien minħabba dan il-proġett għal numru ta’ snin qabel spiċċa biex ċeda għall-pressjoni.

PC

Dr Farrugia stqarr li l-Gvern Nazzjonalista kien waqqaf dan il-proġett minkejja talba ta’ aktar minn 3,000 ruħ għall-housing soċjali u li minnhom 700 persuna kienu meqjusa li għandhom bżonn l-għajnuna b’mod urġenti. Il-Ministru Farrugia għamel sensiela ta’ mistoqsjiet fuq dan il-każ fosthom; għalfejn Chris Said kien għamel dan id-deal lejliet l-elezzjoni?, Jekk Simon Busuttil bħala Viċi Kap kienx jaf b’dan il-każ? Għaliex policy tal-Gvern inbiddlet b’sempliċiment daqqa ta’ firma? Min ta l-ordni biex il-kuntratt inkwistjoni jkun iffirmat 48 siegħa qabel l-elezzjoni? u x’se jkun qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq dan id-deal elettorali li fih hemm każ ċar ta’ favortiżmu politiku.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista Tony Agius Decelis spjega l-fatti tal-każ li kien żvelati fil-gazzettaKullĦadd u qal li wara li din l-art kienet esproprijata 20 sena ilu, kienu saru sensiela ta’ talbiet mis-sid oriġinali u l-werrieta tiegħu biex l-art terġa tmur għandhom, iżda minħabba li kien hemm ippjanat li jsir proġett ta’ housing soċjali, li għalih kien hemm anke l-permessi tal-MEPA, din it-talba kienet dejjem rifjutata sakemm fl-aħħar mill-aħħar f’ittra li kitbu Chris Said u Albert Buttigieg lill-Awtorità kien qablu li din l-art terġa’ tmur għand is-sidien oriġinali.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li Gvern Nazzjonalista kien tilef vot ta’ fiduċja u kien qed imexxi l-Gvern permezz ta’ Gvern caretaker waqt kampanja elettorali, stqarr Agius Decelis.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend