Gvern determinat, oppożizzjoni negattiva – One News

Notifiki

Gvern determinat, oppożizzjoni negattiva

Il-ġid li ħoloq dan il-Gvern f’dawn l-aħħar tlett snin ħadd ma stenna li kien ser ikun daqshekk kbir.  Ġid li nħoloq bil-għaqal u li jagħti kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jistinka ħalli jgħix ahjar. Dak li għal Gvernijiet preċedenti kien impossibbli, għal dan il-Gvern sar possibbli.  Sar possibbli għaliex dan il-Gvern għandu viżjoni ċara u determinazjzoni qawwija li Malta trid tkun l-aqwa fil-Mediterran.

Mhux kulħadd jieħu gost bis-suċċessi ta’ dan il-Gvern u għalhekk l-arma faċli hija li fejn ma nilagħbux, inħassru.  Hekk qed tagħmel l-oppożizzjoni: tħammeg u titfa’ t-tajn mingħajr ma toħroġ b’fatti konkreti.  Titfa’ l-ġebla mal-pajjiżi barranin u taħbi idejha.  Oppożizzjoni li tikkawża rebus sħiħ quddiem il-Qrati tagħna, saħansittra tattakka ġurnalisti tal-ONE, umbad tisma’ lill-kap ta’ l-Oppożizzjoni li minflok jiskuża ruħu, jigdeb u jgħid li dan il-Gvern qed jipprova jintimida.  Affarijiet li ma jitwemmnux minn Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

Dan l-aħħar smajna fuq li smajna dwar l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru. L-Oppożizzjoni provat tħammeġ lil dawn in-nies b’xammiet ta’ korruzzjoni, iżda b’ebda fatti konkreti.  Huwa tad-daħk li aħna nistgħu nitkellmu b’fatti f’idejna, kemm ta’ l-id ix-xellugija u kemm ta’ l-id il-leminija, din id-darba ta’ Simon Busuttil.  Inzertaw it-tnejn għandhom għalxiex jirrispondu u jagħtu spjegazzjoni għal dak li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitkaża bih.  Wieħed li b’kumbinazzjoni d-dar tiegħu daħlitlu fl-isekma tal-bini u fi ftit sigħat giet tiswielu l-miljuni, u l-ieħor li b’kumbinazzjoni wkoll qal li l-kuntrattur li ħadimlu ma bagħatlux kont għax għadu ma lestiex ix-xogħolijiet, iktar minn ħames snin wara. Minkejja li jidher li t-tnejn għandhom il-palazzi, it-tnejn li huma jridu mingħalihom ibellawha lill-poplu li m’għamlu xejn ħazin.

Mill-Kap tal l-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-poplu qed jistenna li jintuża l-istess miżien li juża dan il-Gvern.  Gvern li huwa determinat jiġġieled il-korruzzjoni, tant li daħħal, wara ħafna żmien li amministrazzjoni preċedenti ħallietha fuq l-ixkaffa, il-ligi tat-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi, kif ukoll il-liġi tal-Whistle Blower.  Żewg liġijiet li dan il-Gvern ma beżax jilleġizla dwarhom, għaliex m’għandux minn xiex jibza’.

Għall-Oppożizzjoni tagħhom kollox skużat u kollox jgħaddi.  Issib lil Simon Busuttil li mhux kapaċi jieħu deċizjonijiet meta ffaċjat b’każijiet konkreti ta’ ksur ta’ etika u ta’ ħazen mid-deputati tiegħu. Bil-paroli jieħu l-ewwel iżda donnu għadu maħkum u mdawwar bl-istess nies li kien jaħdem magħhom meta kien fil-Gvern.  Hekk hu, fil-verita’ ma nbidel ħadd u xejn.  Huma l-istess nies u l-istess uċuh, l-istess ħbieb tal-ħbieb imxenqin u iddisprati biex jerġgħu jkunu fil-Gvern!

Illum dan il-pajjiż għandu nifs ġdid. Għandu Gvern serju u Prim Ministru li jrid l-aħjar għal pajjiżna.  Gvern li ma jibzax jieħu deċizjonijiet u Gvern li jrid li kull wieħed u waħda minnha nirnexxu.  Gvern li jasħeb mill-kbir saż-żgħir, kulħadd inkluż u ħadd eskluż.

Għalhekk b’wiċċna minn quddiem, kburin li dan il-pajjiż qed jinbidel u qed jinbidel għall-aħjar.  Kburin li dawk l-affarijiet li amministrazzjoni preċedenti m’għamlithomx, dan il-Gvern wettaqhom flimkien ma ħafna affarijiet oħra pożittivi fl-ewwel tlett snin tiegħu, b’determinazjzoni, viżjoni u kuraġġ.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend