Fejn sejjer l-imgħoddi tagħna? | One News

Notifiki

Fejn sejjer l-imgħoddi tagħna?

Maħsub li l-ewwel dokument li jsemmi l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù nkiteb fil-belt portwali ta’ Korintu, il-Greċja l-Antika ħabta tas-sena 50 fl-era ta’ zmienna mill-appostlu Pawlu lit-Tessalonici. Dan ifisser li min kien għad ma semax b’Ġesù, l-aħbar waslitlu bil-kitba kważi 20 sena wara li qam mill-imwiet. Din l-ittra San Pawl kien bagħatha qabel ma nkitbu l-Vanġeli. Li kieku kellu jiġri xi haġa daqstant straordinarja  llum – li xi ħadd iqum mill-mewt fil-Lvant Nofsani – kieku l-aħbar tasal fuq il-kanali televiżivi globali u l-internet fi ftit sekondi, probabbli b’xeni diretti. Elfejn sena aktar tard, fit-22 ta’ Marzu ta’ dis-sena, meta faqqgħet it-traġedja terroristika ta’ Brussel rajna Breaking News f’tebqa t’għajn. X’differenza għamlet it-teknoloġija fi żmienna!

Mingħajr il-midja immedjata m’aħna xejn. Mhux biss għax twasslilna fil-pront informazzjoni dwar dak li qed jiġri madwarna iżda għax ukoll tgħarrafna min huma n-nies li ġarrbu l-esperjenza. Il-midja tgħidilna min aħna u fejn aħna. Anqas ma tkun taf fuq in-nies li għexu xi traġedja anqas tħoss ghalihom – l-atti terroristiċi ta’ Pariġi u Brussel ixxukkjawna; tal-Pakistan ftit jiem biss wara Brussel, ferm anqas. Għax lill-vittmi tal-Pakistan ma nafuhomx biżżejjed. Min hu ‘l bogħod u ftit li xejn taf dwaru bilkemm tkun kapaċi tagħtih identità.

L-identità tissawwar meta komunità f’territorju partikulari tiftakar fl-imgħoddi komuni tagħha u  allura minn dak li għaddew minnu l-antenati. Pereżempju aħna l-Maltin dlonk niftakru x’ġara fl-Assedju l-Kbir u fl-ewwel ġebla tal-Belt Valletta allavolja għaddew 450 sena u ħadd minna ma kien jgħix dak iż-żmien. L-identità u l-memorja jitimgħu lil xulxin. Jekk ma tiftakarx l-imgħoddi tiegħek m’għandekx identità u jekk m’għandekx identità m’intix nazzjon. Aktar ma l-memorja tagħna tkun preċiża u fidila lejn dak li jagħmilna Maltin, aktar id-destin u t-tamiet tagħna jgħaqqduna. Biex tifforma narrativa ta’ identità trid tibdel l-imgħoddi, li m’għandekx kontroll fuqu, f’passat li għalih tidħol responsabbli u tagħraf issawru b’tifsira.

Fil-memorja kollettiva tagħna hemm l-għaqda; jekk il-passat tagħna jkun imfixkel b’simboli prominenti ta’ ħaddiehor, diffiċli tifforma identità unika tiegħek għax iċ-ċittadini jħossuhom jgħixu f’art li ma tirrispettax dak li jgħaqqadhom. Bla ma tiċħad l-imgħoddi, bla ma tkisser monumenti jew tbagħbas l-istorja m’għandekx tħalli lil min jisraqlek spazju pubbliku prezzjuż, għażiż u prominenti biex tfakkar nies li bihom jiftaħru l-pajjiżi li ħadmu għalihom, li qatt ma rrapreżentaw pajjiżek, li ma batewx għall-patria tiegħek jew li fl-imgħoddi ċaħduk minn drittijitek.

L-ispazju pubbliku, bħall-monumenti, jirrapreżenta d-djalogu li l-istat għandu jkollu maċ-ċittadini tal-post. Dan l-ispazju jgħinna niftakru x’jagħmilna Maltin – ġrajjietna kif mgħallma l-iskola u fil-midja, il-monumenti f’inħawi sinjifikanti tal-pajjiż, simboli rappreżentattivi, il-lingwa u l-kultura li tiġbor fiha t-tradizzjonijiet tagħna. Jekk ixxomm pizza tiftakar fit-Taljani, jekk tara t-Torri Eiffel tiftakar fil-Franċiżi, il-Big Ben ifakkrek fl-Ingliżi u l-barri (anki jekk qed jinqata’) ifakkrek fl-Ispanjoli. Monument ta’ Churchill qrib Westminster ifakkrek fl-imgħoddi tar-Renju Unit, Lincoln f’Washington tal-Istati Uniti, Garibaldi tal-Italja, Ġanna d’Arc u Napuljun Bonaparti  ifakkruk fil-passat ta’ Franza.

Internazzjonalment x’ifakkrek fl-identità Maltija? Hemm xi simbolu li jgħaqqadna lkoll u malli jarawh il-barranin dlonk jassoċjawh magħna? Għandna xi patrijott li ġenwinament u bla ebda interess personali bata għalina lkoll biex jgħinna niffurmaw l-identità u l-libertà? Għandu monument fil-kapitali tagħna?

Ir-ritratt tal-ġimgħa

Ir-ritratt ma’ dan l-artiklu juri l-bitħa tal-Palazz tal-President, mibni mill-Kavallieri aktar minn 400 sena ilu, iddominata minn arma ta’ pajjiż li ħakimna. Postha hemm?

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend