Il-PN seta' jraħħas il-kontijiet iżda ddeċieda li ma jagħmilx dan – PM | One News

Notifiki

Il-PN seta’ jraħħas il-kontijiet iżda ddeċieda li ma jagħmilx dan – PM

Waqt li kien qed jitkellem waqt il-vot ta’ fiduċja, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal f’idejh kellu proġett li jista’ jaqleb il-ġenerazzjoni tal-enerġija minn żejt għall-gass u jraħħas il-kontijiet b’25%. Allura, Simon Busuttil mhux biss kien qed jigdeb meta qal li l-kontijiet ma setgħux jorħsu iżda agħar minn hekk huwa seta’ raħħas il-kontijiet u ma raħħashomx.

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jintervjeni fi programm speċjali fl-okkazjoni ta’ Jum il-Ħaddiem fuq ONE Radio.

Il-Prim Ministru ssokta jgħid li la l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu l-informazzjoni, kien jaf li din tista’ ssir u allura kien qed jigdeb meta sejjaħ dan il-proġett bħala Alice in Wonderland. Għaliex m’għamlux qabel l-elezzjoni dan il-proġett staqsa l-Mexxej Laburista filwaqt li fakkar kif il-PN kellu politika li jibqa’ jaħdem biż-żejt u nafu bil-fatti li fuq iż-żejt kien hemm il-commissions, saħaq Joseph Muscat.

Sinjal b’saħħtu li l-ekonomija se tkompli tikber

B’referenza għat-tħabbir ta’ aktar investimenti, Dr Muscat qal li dan huwa sinjal b’saħħtu li l-ekonomija se tkompli tikber. Hawn il-fiduċja u din ser tkompli tissaħħaħ tenna Joseph Muscat, filwaqt li semma kif dan kollu se jibqa’ għaddej anke fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Prim Ministru stqarr li l-problemi tal-investituri llum mhumiex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-burokrazija, iżda li jkun hemm nies bizzejjed biex jaħdmu magħhom. Fil-jiem li ġejjin se nkomplu naħdmu u n-nies se jħossu l-effett fi bwiethom, saħaq il-Mexxej tal-Partit Laburista.

Il-koalizzjoni tax-xogħol mhux metafora,  imma hemm qegħdha sostna Dr Muscat filwaqt li semma kif illum hemm kulħadd fuq l-istess naħa, min iħaddem u t-trade unions. Il-qanpiena li tistona f’dan kollu hija l-Oppożizzjoni u Simon Busuttil li qed ikun negattiv, distruttiv, pessimist u bitter. Kull darba li l-Kap tal-Oppożizzjoni jkun negattiv, dan il-Gvern jissaħħaħ u mhux jidgħajjef u rrid ngħidlu grazzi lill-Kap tal-Oppożizzjoni. In-nies jgħidu li dan il-Gvern jaħdem, iġib ir-rizultati, jagħmel l-iżbalji u jippretendi li dawn ikunu rranġati. Lill-Oppożizzjoni qed jagħtuha sinjal wara l-ieħor li n-nies ma jafdawiex, stqarr il-Prim Ministru.

Meta kien mistoqsi dwar ħidmet il-Gvern sabiex ikun hemm aktar ekwità bejn is-sessi f’postijiet eżekuttivi, il-ġlieda kontra l-prekarjat u l-għajnuna li jridu jingħataw persuni b’diżabiltà, Joseph Muscat saħaq li għalkemm għadna ma wasalniex, xorta sar ħafna xogħol. Dr Muscat semma l-blacklisting tal-kumpaniji biex tkun miġġielda l-pjaga tal-prekarjat u sostna li l-ġlieda mhux kontra min iħaddem iżda kontra x-xogħol prekarju. Dwar bilanċ bejn is-sessi, il-Mexxej Laburista silet bħala eżempju l-ħatriet fil-ġudikatura fejn il-ħatriet ġodda huma kważi kollha nisa u qed noqorbu li jkun hemm parità bejn is-sessi f’dan il-qasam tant importanti. Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-faqar u qal li għalkemm fadal xi jsir, hu jinsab kburi li l-faqar naqas b’mod reali. Huwa fakkar li fiż-żmien l-aħħar amministrazzjoni n-numru ta’ nies fil-faqar kien irdoppja. Is-soluzzjonijiet kontra l-faqar huma l-edukazzjoni u x-xogħol filwaqt li nagħtu l-benefiċċji lil kull min għandu bżonn, sostna Dr Muscat.

Dwar id-dejn u d-defiċit u l-Mexxej Laburista fakkar kif taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista d-defiċit kien 3.5% meta suppost dan ikun taħt it-3%. Illum dan il-Gvern naqqas id-defiċit bin-nofs. Dwar id-dejn Joseph Muscat stqarr li filwaqt li qed inżidu l-pensjonijiet u nagħtu aktar benefiċċji, id-dejn qed jonqos. Lill-uliedna u lil ulied uliedna rridu nħallulhom ġid u mhux dejn, stqarr il-Prim Ministru.

Fil-qasam tas-saħħa kien hemm turnaround enormi

Filwaqt li semma kif huwa ma setax jemmen li Claudette Buttigieg qalet li n-nies qed jimirdu aktar taħt dan il-Gvern, Joseph Muscat stqarr li meta wieħed iħares lejn l-iskwadra tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, huwa no brainer li Konrad Mizzi u Chris Fearne huma fdati aktar mill-poplu biex imexxu dan il-qasam minn Claudette Buttigieg. Il-Mexxej Laburista qal li f’dan il-qasam kien hemm turnaround enormi u semma kif huwa jkun kuntent meta l-listi ta’ stennija jinqatgħu għalkemm wieħed irid jgħid li sar xogħol kbir u hemm ċerti setturi li dawn il-listi kważi spiċċaw. Dr Muscat tkellem ukoll fuq il-patients charter u saħaq li permezz ta’ dan, dawk li jkunu ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat, il-Gvern se jkun qed iħallas biex l-operazzjoni ssir fil-privat.

Kap tal-Oppożizzjoni li jispeċjalizza fin-negattività u s-silenzju

Il-Prim Ministru saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni jispeċjalizza fin-negattività u s-silenzju u semma l-każ tal-Viċi Kap tiegħu Mario DeMarco li sarulu xogħolijiet minn kuntrattur fil-propjetà tiegħu, waqt li huwa kien Ministru responsabbli mill-MEPA u  kien wara li faqqa’ l-każ Panama Papers fejn fih kien imsemmi l-kuntrattur inkwistjoni, li Mario DeMarco talab invoice biex iħallas tax-xogħlijiet. Il-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli stqarr il-Mexxej Laburista filwaqt li saħaq li b’każ wieħed biss, il-kliem kollu li jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni sfaxxa.

Dwar l-iskema ta’ dejn sigriet, Dr Muscat qal li din hija skema tal-korruzzjoni u tal-obbligazzjonijiet. Sabu mod biex jipprovaw iduru b’mod diżonest mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Filwaqt li l-Partit Labburista se jimxi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Partit Nazzjonalista qed isib ir-raġunijiet kollha biex jipprova jiskartaha.

L-akbar manifestazzjoni tal-Ewwel ta’ Mejju fl-aħħar snin

Fl-aħħarnett, Dr Muscat qal li ċ-ċelebrazzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej ser tkun l-ikbar manifestazzjoni tal-ewwel ta’ Mejju fl-aħħar snin. L-ewwel ta’ Mejju se tkun attività tal-familja. Nappella biex ninġabru kollha quddiem Kastilja biex noffru t-triq ‘il quddiem u fejn matulha se nitkellmu fuq x’se nagħmlu sal-aħħar tal-leġislatura, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend