San Ġiljan fil-quċċata tal-kriminalità | One News

Notifiki

San Ġiljan fil-quċċata tal-kriminalità

Is-sena li għaddiet, San Ġiljan kien l-iktar lokalità li fih saru offiżi, b’rata ogħla minn ħames darbiet aktar mir-rata nazzjonali ta’ kriminalità.

It-tieni l-iktar lokalità b’rata għolja ta’ kriminalità f’pajjiżna fl-2015 kienet l-Imdina, u warajha l-Belt Valletta, il-Furjana, tas-Sliema, San Pawl il-Baħar u Ta’ Xbiex.  Dan meta wieħed iqabbel in-numru ta’ reati mal-popolazzjoni tal-belt jew raħal.

Dan ħareġ minn rapport annwali dwar il-kriminalità f’pajjiżna, imħejji mill-kriminologu Savior Formosa.

Minnhom 2,030 każ kienu ta’ pickpocketing filwaqt li kien hemm 932 każ ta’ serq   mid-djar. B’ din tal-aħħar naqset b’ 24% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

L-iktar lokalitajiet li rreġistraw rati għolja ta’ serq mid-djar kienu l-Għasri, San Ġiljan, l-Imsida, Swieqi u tas-Sliema.

Il-kriminologu Saviour Formosa innota kif ir-reazzjoni tan-nies għall-volum ta’ serqiet f’ Tas-Sliema f’ perjodu partikolari fl-elfejn u ħmistax wasslet biex kien hemm perjodu li fih is-serqiet fiż-żona waqfu.

Fejn jidħlu serqiet mill-karozzi l-istatistika terġa’ tinbidel ftit, bl-ewwel post ta’ serqiet iktar mir-rata nazzjonali jittieħed mill-Imdina, segwita mill-Furjana, li niżlet fit-tieni post, u warajhom San Ġiljan u l-Belt Valletta.

Formosa jispjega kif ir-raġuni ewlenija għar-rata għolja ta’ serq u vandaliżmu mill-karozzi f’ dawn il-lokalitajiet hija l-ammont ta’ carparks fiż-żoni.

Ir-rapport juri wkoll kif l-iktar żmien li fih isiru offiżi huwa fis-Sajf. Is-sena li għaddiet kienu fil-jiem tas-Sibt u l-Ħadd l-iktar li kienu rrappurtati każijiet ta’ kriminalità, dan għad-differenza ta’ snin preċedenti fejn l-iktar jum popolari kien it-Tnejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend