Każ quddiem il-Kummissarju tal-ġustizzja | One News

Notifiki

Każ quddiem il-Kummissarju tal-ġustizzja

Tul l-ewwel sena minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-droga, il-Kummissarju tal-Ġustizzja, rwol maħluq minn dan l-istess att, semgħet tlett mija, erbgħa u erbgħin każ ta’ pussess sempliċi ta’ droga.

F’ tlettax-il seduta, minn Settembru tas-sena li għaddiet sa’ Marzu ta’ din is-sena, il-Kummissarju Vicky Scicluna, semgħet każijiet t’ individwi li nqabdu b’ammonti żgħar ta’ droga u li weħlu multa minima mingħajr ma tħamġitilhom il-kondotta.

Mit- 344 każ, 86 minnhom kienu persuni ta’ nazzjonalita barranija, 25 persuna kienu volontarjament irreferuti għall-għajnuna jew mitluba jattendu għal seduta oħra biex il-kummissarju tkun żgurata li dawn il-persuni jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu.

Iżda l-għajnuna ulterjuri f’ dan l-istadju tista tkun rifjutata.  Madanakollu mat-tieni sejba ta’ ħtija, l-għajnuna hija imposta u l-każ ikun riferut quddiem il-Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga, ppresedut mill-ex Imhallef Giovanni Bonello.

S’issa kienet persuna waħda biss li nstabet ħatja darbtejn fi żmien ta’ sentejn jew inqas għalhekk ġiet riferuta quddiem dan il-Board.

Il-Ministru għall-ġustizzja Owen Bonnici stqarr li l-għan tal-liġi, li persuna tingħata l-għajnuna flok tkun trattata bħala kriminal, qed jintlaħaq.

Il-Bord għandu poter li jimponi ċertu direttivi li jwasslu għal konsegwenzi jekk ma jiġux obduti mill-persuna. Dan il-Board jisma’ ukoll każijiet ġenwini ta’ vittmi tad-droga mixlija b’pussess aggravat, meta l-Qorti tal-Maġistrati jidhrilha li l-akkużat għandu dipendenza serja fuq id-drogi iżda għandu l-volontà li joħroġ mill-vizzju.

Jekk ir-rijabilitazzjoni tkun suċċess, imbagħad il-Qorti tal-Maġistrati tagħti piena li ma tkunx waħda ta’ ħabs bilfors.

Tul is-sena saru disgħa u sebgħin talba għal riferenza mill-Qorti tal-Maġistrati għal quddiem il-Board tar-rijabilitazzjoni mid-Droga, minnhom kienu riferuti erbatax-il każ u s’issa ħames każijiet jinsabu fi stadju avvanzat.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend