€2M għall-konsumaturi tal-Enemalta | One News

Notifiki

€2M għall-konsumaturi tal-Enemalta

 

Din il-ġimgħa, disa’ t’elef konsumatur tal-Enemalta se jkunu qed jirċievu żewġ miljun ewro bejniethom għal enerġija rinovabbli li jbieghu lill-gvern.

Dan permezz ta’ sistema ġdida ta’ kif jitħaddem il-ħlas tal-feed in tariffs imnedija f’Jannar li għadda.  Sistema li se tara ħlas iktar fil-pront u mhux kontijiet li jakkumulaw għal diversi snin.

Dan ifisser li se jkun iktar faċli ghall-konsumaturi li jibdew jaqtgħu l-frott tal-investiment li għamlu fil-pannelli fotovoltajiċi.

Wara li l-konsumatur irreġistraw, il-flus li l-Enemalta tħallas  se jidħlu f’kont bankarju wara li jkun assigurat li l-istess konsumatur m’għandux kontijiet pendenti ohra.

Qabel konsumatur kien ikollu joqgħod jitlob flusu kull darba li ried il-ħlas.

Sa issa huma madwar nofs il-konsumaturi li jirċievu l-pagamenti li huma abbonati mas-sistema l-ġdida, li nħadmet bejn l-Enemalta u s-sussidjarja tagħha l-ARMS.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemalta, Frederick Azzopardi, qal li din hija sistema li toffri benefiċċju kbir lin-negozji u lill-individwi u li tkompli tħeġġeġ iktar l-użu tal-enerġija alternattiva.

Dan wara li s-sena li għaddiet l-Enemalta żiedet b’25% il-konsumaturi mal-grid nazzjonali. L-inġinier Azzopardi qal li mistennija inizjattivi oħra li għandhom ikomplu jsaħħu s-sostenibbiltà finanzjarja tal-kumpanija, filwaqt li jiżdied is-sodisfazzjon tal-konsumatur.

Ikkummenta wkoll il-Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi, li rringrazzja t-tmexxija tal-Enemalta u qal li dawn l-inizjattivi se jkomplu jżiedu l-kontribut ta’ pajjiżna lejn il-miri 2020 fil-qasam tal-enerġija rinovabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend