Il-Prim Ministru fil-Ġordan | One News

Notifiki

Il-Prim Ministru fil-Ġordan

Il-politika ta’ dan il-Gvern hi li kemm jista jkun niftħu l-bibien biex negozjanti Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jinvestu f’pajjiżi oħra u jġibu x-xogħol lejn pajjiżna. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat nhar it-Tnejn, fl-ewwel zjara ta’ Prim Ministru Malti fil-Gordan. 

Il-Prim Ministru beda dan l-ewwel jum t’impenji fil-Ġordan b’laqgħa mal-Prim Ministru tal-Ġordan Abdullah Ensour.

Iż-żewġ Prim Ministri qablu dwar l-importanza tal-istabbiltà fir-reġjun u kemm il-Ġordan u Malta jistgħu jkunu importanti minħabba li ż-żewġ pajjiżi huma stabbli u mexjin ‘il quddiem.

Il-Prim Ministru Muscat qal li jrid ikompli jibgħat sinjal li l-koperazzjoni fir-reġjun madwar il-Mediterran huwa importanti ħafna. Messaġġ li Malta se tkompli tibghat meta tiehu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tal-elfejn u sbatax.  

Il-Prim Ministru tal-Ġordan tkellem dwar il-problema kbira tal-immigrazzjoni minħabba l-kunflitti fis-Sirja u qal li jistenna iktar għajnuna mill-komunità internazzjonali, li mhux neċessarjament tiġi minn għotjiet ta’ flus, iżda iktar minn kummerċ li joħloq xogħol u infrastruttura.  Iż-żewġ partijiet tkellmu anke dwar il-krizi tal-Libja u l-kwistjoni Palestinjana. 

Joseph Muscat tenna li d-dmir tal-Gvern Malti hu li jattira firxa iktar ta’ investiment, biex pajjizna ma jkunx dipendenti fuq ftit swieq. Flimkien mal-Prim Ministru, minbarra membri oħra tal-Gvern, hemm delegazzjoni ta’ negozjanti Maltin. Wara ż-żjara fil-Ġordan, il-Prim Ministru se jkompli bi żjara simili fil-Libanu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend