Il-ġlieda kontra l-kanċer trid tkun fuq quddiem – Miriam Dalli | One News

Notifiki

Il-ġlieda kontra l-kanċer trid tkun fuq quddiem – Miriam Dalli

Il-kanċer tas-sider ħasad il-ħajja ta’ 91,000 mara ċittadina tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess sena l-kanċer instab f’367,090 mara. F’pajjiżna, madwar 86 minn kull 100,000 mara joħroġilhom il-kanċer f’sidirhom. Dan ifisser medja ta’ 250 każ ġdid fis-sena. Iżda ejja ma nieqfux biss fuq dawk li jġarrbuh. Hemm ta’ madwarhom, l-ulied u l-ġenituri, li jgħaddu minn ħafna saram.

Bħala Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli mpenjata li tħeġġeġ lill-UE biex tpoġġi l-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider fuq quddiem tal-prijoritajiet tagħha.“Kont minn ta’ quddiem li ħeġġiġt lill-sħabi membri parlamentari biex inressqu dikjarazzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Enfasizzajna, fost l-oħrajn, għal iżjed għajnuna ħolistika. Apparti t-trattament adegwat lill-vittmi jeħtieġ li tingħata għajnuna psikoloġika lill-qrabathom. Ma nħossx li l-KE qiegħda tagħmel biżżejjed f’dan ir-rigward,” qalitilna Dalli fl-uffiċċju tagħha fi Strasburgu.

L-MPE Maltija, li kienet il-firmatarja oriġinali tad-dikjarazzjoni msemmija u ġabret l-appoġġ t’aktar minn nofs l-MPEs, emfasizzat li l-KE u l-Istati Membri jridu jimplimentaw l-iscreening nazzjonali u taqsimiet speċjalizzati b’rabta mas-sider. “Dan għandu jiġi implimentat skont kif miftiehem, jiġifieri sal-aħħar tal-2016.”

Bil-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-iscreening fuq bażi nazzjonali, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwidi biex tkun assigurata l-kwalità fl-istess screening u jiġu aġġornati regolarmet. “Huwa sta għalina l-politiċi u ċ-ċittadini li jagħmlu pressjoni biex dawk il-linji gwidi jiġu segwiti.”

F’dawn l-aħħar ħames snin, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iscreening f’Malta qabad 320 kanċer fis-sider, b’madwar 90% minnhom ikunu fi stadju bikri u jkunu mfejqa mingħajr diffikultà. Bħalissa qegħdin isiru mal-mitt memogramm kuljum.  Dwar l-inċidenza ta’ din il-marda fl-irġiel din hija ħafna iżgħar tant li f’sena jkun hemm medja ta’ sitt każijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend